Lokali
Investiment ta’ €10m mill-BMIT – data centre ġdid fil-limiti taż-Żejtun

Kumpanija Maltija bi preżenza fl-Italja u l-Ġermanja, għaddejja b’investiment ta’ għaxar miljun ewro fil-bini ta’ data centre fil-limiti taż-Żejtun.

Bħalissa l-kumpanija li tħaddem 65 persuna għandha data centres f’Ħal Qormi u SmartCity li minnhom tipprovdi sistemi teknoloġiċi li huma kruċjali għal ħafna negozji li joperaw online.

Ħafna mill-kumpaniji bbażati f’Malta – speċjalment dawk fil-qasam tal-gaming u s-servizzi finanzjarji – jiddependu minn sistemi tat-teknoloġija tal-informatika b’saħħithom u li jipprovdulhom serħan il-moħħ.

Għall-kompetittività u s-suċċess tal-istess negozji, l-informazzjoni tal-klijenti jeħtieġ tinħażen f’servers jew sistemi siguri minn fejn tkun tista’ tiġi aċċessata f’ħakka t’għajn minn persuni li jkollhom dritt għaliha. Ħafna drabi l-kumpaniji jagħżlu li flok fil-bini tagħhom, it-tagħrif jinħażen jew jiġi pproċessat f’dawk li jissejħu ‘data centres’, kif spjegalna l-espert fit-teknoloġija, Sean Cohen.

Il-manager tas-sistemi teknoloġiċi – BMIT, Sean Cohen qal “huwa post dedikat biex dak li jkun jitfa’ l-infrastruttura tal-IT fih, aħna hawnhekk noperaw iktar minn data centre wieħed, dan li qed tara hu wieħed minnhom u fih għandna klijenti li jistgħu jagħmlu hosting tas-servers tagħhom magħna u noffru possibiltà li dak li jkun nimmaniġġjawlu dik l-infrastruttura.”

F’Malta, fost l-akbar operatur f’dan il-qasam hi l-kumpanija BMIT li bdiet 20 sena ilu u llum tħaddem 65 ħaddiem. Il-kumpanija għandha ċentri f’Tal-Ħandaq, Smart City u preżenza f’Milan u Frankfurt li huma magħqudin b’konnessjoni tal-internet veloċi u distinta minn sistemi tal-internet oħrajn.

“Għall-klijenti tagħna l-business tagħhom hu kompletament online jiġifieri għalihom il-fatt li jkunu mingħajr internet anke għall-ftit minuti hija problema.”

Id-domanda għal dawn it-tip ta’ servizzi tant qed tiżdied li l-kumpanija għaddejja b’investiment ta’ għaxar miljun ewro f’data centre ieħor fil-limiti taż-Żejtun li għandu jinfetaħ is-sena d-dieħla. Dan iċ-ċentru se jkollu l-ogħla ċertifikazzjoni u aktar minn 400 rack fejn ikunu jistgħu jinħażnu servers u sistemi tal-informatika.

 

Aħbarijiet Oħra
Politika

Il-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista għad jista’ jiddeċiedi dwar il-futur politiku ta’ Adrian Delia f’każ li jinġabru biżżejjed firem minn fost il-kunsilliera b’talba speċifika biex jissejjaħ vot ta’ sfiduċja f’Adrian Delia…

Droga

Il-Covid-19 ġabet magħha għadd ta’ restrizzjonijiet li affettwaw is-safar u l-importazzjoni ta’ diversi prodotti, jidher iżda li mhux id-droga. Id-Direttur tal-Caritas, Anthony Gatt, qal li f’Malta ma kienx osservat xi…

Aktar