Sport
Investiment ta’ €150,000 għall-klabb tar-Regatta ta’ Birżebbuġa

Il-klabb tar-Regatta ta’ Birżebbuġa għandu sit ġdid li ngħata mill-Gvern u tranġa mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet u l-Infrastruttura li jaqa’ taħt il-Ministeru għall-Infrastruttura. Dan sar b’investiment ta’ €150,000.

Il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg żar is-sit il-ġdid minn fejn qiegħed jopera il-klabb tar-Regatta ta’ Birżebbuġa u spjega li għal żmien twil il-klabb tar-Regatta ta’ Birżebbuġa kellu jinqeda b’garaxxijiet żgħar jew b’arranġamenti ma’ klabbs oħra għax ma kellux post adekwat minn fejn jopera.

Huwa spjega kif il-Gvern investa aktar minn €150,000 sabiex dan is-sit seta’ jitranġa biex ġie attrezzat għal użu mill-klabb. Spjega li d-Dipartiment għaddej b’numru ta’ xogħlijiet favur faċilitajiet u kumditajiet aħjar għall-klabb kif ukoll servizzi u tisbiħ, filwaqt li fil-futur mistennija jsiru xi xogħlijiet oħra.