Infrastruttura
Investiment ta’ €15m mill-Enemed fl-ajruport – inawgurat impjant ġdid għall-ħażna tal-fjuwil tal-ajruplani

Inawgurat fl-ajruport mill-Prim Ministru Robert Abela impjant ġdid għall-ħażna tal-fjuwil tal-ajruplani. Il-proġett li sar b’investiment ta’ €15-il miljun mill-kumpanija Enemed ma jaħsibx biss għall-ħtiġijiet tal-ajruport illum iżda ġie pjanat b’mod li jaħseb għad-domanda li dejjem qed tikber ta’ xogħol mill-industrija tal-avjazzjoni.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-impjant il-ġdid juri kemm il-gvern hu impenjat li jkompli jimmodernizza l-infrastruttura tal-pajjiż. Qal li bis-saħħa tal-proġett se tingħalaq darba għal dejjem il-ħażna tal-fjuwil taħt l-art f’Wied Dalam. Spjega li b’hekk jingħata nifs lir-residenti ta’ Birżebbuġa u dawk li jgħixu fin-nofsinhar ta’ Malta.

Iċ-Chairman u Kap Eżekuttiv tal-Enemed, Kevin Chircop , qal li l-ħtieġa tal-proġett kien ilha tinħass snin b’mod partikulari biż-żieda fil-movimenti tal-ajruplani minn u lejn Malta. Is-Sur Chircop qal li bit-8 kilometri ta’ pipeline ġodda li ġew stallati, ġie eliminat il-bżonn li tintuża l-ħażna ta’ taħt l-art f’Wied Dalam.

Il-Ministru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma, Michael Farrugia, qal li l-propġett jirrifletti qabża fil-kwalita’ fil-kwalità li saret fl-industrija tal-avjazzjoni u fl-iżvilupp ta’ teknoloġija state of the art li minnha qed igawdi l-pajjiż kollu.