Lokali
Investiment ta’ €2.2 miljun għall-estensjoni tal-bini tal-Qorti

Il-Ministru għall-Ġustizzja u l-Ugwaljanza Edward Zammit Lewis ħabbar li fil-ġimgħat li ġejjin se jsir proġett ta’ €2.2 miljun għall-estensjoni tal-bini tal-Qorti fi Strada Stretta l-Belt Valletta. Qal li din il-binja ġdida se jkollha 4 awli ġodda u 25 uffiċini.

Il-Ministru Zammit Lewis qal li bil-baġit 2021 il-Gvern wera bil-provi l-impenn tiegħu fit-tisħiħ tas-saltna tad-dritt u l-governanza tajba, bl-aħħar għaxar xhur iddaħħlu b’mod spedit ir-riformi kif proposti mill-Kummissjoni Venezja, fosthom bis-separazzjoni tal-Avukat Ġenerali mill-avukat tal-istat, b’żewġ binijiet separati.  Qal li fil-ġimgħat li ġejjin se jinfetaħ uffiċċju tal-avukat tal-istat, fejn bħal ma sar fl-uffiċċju tal-avukat ġenerali, se jiġu ngaġġati avukati ġodda.  Qal li se jsir ukoll proġett taħt id-direzzjoni tal-Bank Dinji għat-tfassil tal-istrutturi interni u proċeduri amministrattivi għall-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u għal dak tal-Avukat tal-Istat.

Il-Ministru Zammit Lewis qal li se jitressaq abbozz ta’ liġi biex ikun hemm il-possibilità għal seduti fi proċeduri ċivili biex isiru permezz ta’ konferenzi virtwali, u se tissaħħal l-għajnuna legali b’sistema diġitali fejn min ikollu bżonn dan is-servizz jista’  japplika b’mod onlajn.Is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi fi ħdan il-Ministeru tal-Ġustizzja Rosianne Cutajar ħabbret li se jinfetaħ ċentru ġdid għall-persuni LGBTIQ plus, fejn taħt saqaf wieħed se jingħataw is-servizzi kollha li jistgħu jassistu l-persuni LGBTIQ plus.  Is-Segretarju Parlamentari Cutajar qalet ukoll li qed issir ħidma fuq l-abbozz ta’ liġi għall-protezzjoni fuq użu responsabbli tal-Cannabis.  Qalet ukoll li fil-qrib li l-Gvern ivara pjan ta’ azzjoni nazzjoanli kontra r-razziżmu u xenofobija.  Tkellmet ukoll dwar żewġ strateġiji waħda kontra t-traffikar tal-bniedem, u oħra fuq l-industrija tas-sess u l-prostituzzjoni, b’iktar infurzar kontra min iwettaq il-kriminalita’ u tisħiħ fl-għajnuna tal-vittmi.