Lokali
Investiment ta’ €292,000 fid-Dar tal-Anzjani f’Bormla

Il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia ħabbar investiment ta’ €292,000 fl-installazzjoni ta’ sistema ġdida ta’ chillers fid-dar tal-anzjani f’Bormla.

Huwa ħabbar dan waqt żjara li għamel fid-dar. Fi stqarrija ġie spjegat li huwa ħabbar dan wara li fl-aħħar ġimgħat skatta proċess ta’ assessjar mid-Direttorat tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Kommunità li matulu ġew identifikati l-ħtiġijiet infrastrutturali jew oħrajn relatati mal-proviżjoni tas-servizz fid-djar kollha tal-anzjani tal-Gvern.

Il-Ministru Michael Farrugia qal li matul din is-sena, minkejja l-ispejjeż kbar li d-Direttorat qed ikollu minħabba l-pandemija, xorta kompla jaħdem fuq investimenti kontinwi biex ikompli jitjieb il-kwalità tas-servizz li jingħata fil-kura fit-tul fid-djar tal-anzjani.

Ġie spjegat li l-investiment li sar fid-Dar tal-Anzjani f’Bormla tikkonsisti f’erba’ chillers ġodda kif ukoll sistema ta’ pompi u pajpijiet li jgħaqqdu c-chillers kollha flimkien, dan hekk kif is-sistema kienet waħda antika u li ħafna drabi kienu qed iġarrbu ħsarat konsiderevoli. Għal ħafna snin dawn kienu qed jissewwew temporanjament iżda jerġgħu jieqfu wara ftit, b’inkonvenjent kbir għar-residenti u l-impjegati ta’ din id-dar.

Il-Ministru Farrugia qal li bis-saħħa ta’ dan l-investiment, ir-residenti u l-impjegati tad-dar se jkollhom proviżjoni ta’ arja kkundizzjonata tajba l-ħin kollu filwaqt li se jkun protett l-ambjent permezz ta’ sistema effiċjenti.