Lokali
Investiment ta’ €3 miljun biex iktar studenti jingħataw ċans għall-apprendistat u jsibu xogħol

Investiment ta’ kważi €3 miljun jaħseb biex iktar studenti jingħataw ċans għall-apprendistat u jiskbu opportunitajiet ta’ xogħol.

Dan tħabbar mill-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana u l-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana biex l-MCAST tkun tista’ tinkoraġixxi iktar kumpanniji jingaġġaw magħhom studenti fi programmi ta’ apprendistat.

Bħalissa l-MCAST għandha ‘l fuq minn 1,700 student fl-apprendistat.

Il-Prinċipal u Kap eżekuttiv tal-MCAST, il-Professur James Calleja qal li dan l-investiment mill-Gvern se jwassal biex jintlaħaq l-iskop li għalih infetaħ l-MCAST, għaliex l-istudenti mhux biss jistudjaw it-teorija iżda japplikawha bl-iktar mod ħaj fuq il-post tax-xogħol li jista’ jkun tagħhom meta jiggradwaw. Qal li bħalissa hemm mal-1,700 student fil-programm ta’ apprendistat, ma’ kważi 1,500 kumpannija, iżda fadal tliet mitt student li qed jistennew li jidħlu fl-apprendistat.

“L-apprendistat għall-MCAST ifisser kollox, nixtieq li nofs il-popolazzjoni tal-MCAST ikollhom esperjenza fuq il-psot tax-xogħol biex ikollhom kuntatti ma’ min iħaddem u ma’ ħaddiema oħrajn,” spjega Prof. Calleja.

TVM tkellem ma’ studenti tal-MCAST li bħalissa għaddejjin bi programm ta’ apprendistat

“Mal-kumpannija li qegħda urewni aspetti differenti u mhux biss l-istudju, ‘hands on’ u qed juruni makkinarji u manwali differenti, u affarijiet,” fissret Valentina Caruso.

“Tgħallimt affarijiet ġodda u l-affarijiet li tgħallimt l-iskola, għenuni biex nagħmel xogħol aħjar għall-apprendistat,” qal Zach Bonnici.

Il-Ministru Justyne Caruana qalet li l-apprendistat huwa pedina importanti fl-iżvilupp tal-kapital uman u li għalhekk il-Gvern ħaseb biex ikompli jsaħħaħ l-għajnuna tal-apprendistat. Il-Ministru qalet li permezz ta’ dan is-sostenn, il-Gvern qed jagħti appoġġ lill-industrija biex jagħmlu kuraġġ u jingaġġaw magħhom l-istudenti, speċjalment issa f’dawn iż-żminijiet ta’ sfidi li ġabet magħha l-pandemija.

Il-Ministru Clyde Caruana spjega li mingħajr xogħol m’hemmx ekonomija b’saħħitha. Huwa sostna li għalhekk ma ħasibhiex darbtejn biex jiddedika kważi €3 miljuni għas-settur privat biex jissaħħaħ l-apprendistat, għaliex b’żgħażagħ li jaħdmu, ifisser li l-ekonomija tissaħħaħ. Qal li f’pandemija kienet ċara li rkupru ekonomiku huwa msejjes fuq is-suq tax-xogħol, u li dan il-pajjiż se jasal għax qed isaħħaħ ix-xogħol, u għalhekk l-ekonomija.