Edukazzjoni
Investiment ta’ €32.8 miljun biex jiġi stabbilit ċentru ta’ riċerka internazzjonali fl-MCAST

Fil-kampus tal-MCAST f’Raħal Ġdid tlesta l-bini u beda x-xogħol biex jiġi attrezzat ċentru ta’ riżorsi li se jkun ddeddikat għar-riċerka. Il-ħsieb hu li ċ-ċentru jkun qed jopera sas-sena akkademika li jmiss. Fi żjara mill-Ministri Justyne Caruana u Owen Bonnici ntqal li dan iċ-ċentru hu parti mill-pjan strateġiku tal-MCAST għall-edukazzjoni vokazzjonali u r-riċerka waqt li joffri faċilitajiet li jkomplu jagħtu lill-kulleġġ it-timbru ta’ ċentru ta’ eċċellenza.

Din is-sena, l-MCAST se jkollu ċentru ġdid ta’ riżorsi li hu parti minn investiment ta’ kważi tlieta u tletin miljun Ewro biex din l-istituzzjoni jkollha ċentru ta’ riċerka internazzjonali. Mgħammar bl-aqwa teknoloġija, apparti faċilitajiet għat-tagħlim u awditorju, iċ-ċentru se jinkludi wkoll librerija. Id-deputat prinċipal tal-MCAST, Alex Rizzo, spjega li ċ-ċentru jird jilħaq żewġ għanijiet.

“L-ewwel huwa tar-riċerka, l-ewwel sular se jkun iddedikat għar-riċerka fejn nagħmlu demonstrations tar-riċerka u jiltagqħu r-riċerkaturi fejn nikkolaboraw nagħmlu ċertu testing u prototyping u nippruvaw nintegraw ir-riċerka li ssir fost is-sitt istituti però wkoll dan huwa student hub u l-aħħar żewġ sulari se jkunu l-library and resource center il-ġdid tal-MCAST li se jkun miftuħ 24/7 bil-lejl u bin-nhar fejn jiġi l-istudent, b’mejda, wifi b’saħħtu, wi-fi capabilities b’saħħithom u jista’ jiltaqa’ ma sħabu.”

L-Inġinier Rizzo qal li fl-2018 nibet il-ħsieb li l-MCAST ssaħħaħ il-preżenza fl-industrija tar-riċerka u l-innovazzjoni u għal dan il-għan tfasslet strateġija li wasslet biex illum hemm ‘l fuq minn mitt lecturer involuti f’riċerka. Qal li dawn jinsabu fis-sitt istituti tal-kulleġġ u b’din ir-riċerka qed tingħata tweġiba għall-ħtiġijiet tal-industrija.

Wara żjara lill-proġett fejn ix-xogħol tal-bini taċ-ċentru tlesta u bħalissa għaddejjin l-istallazzjonijiet mekkaniċi u elettriċi, il-Ministru tal-Edukazzjoni, Justyne Caruana, qalet li l-MCAST jgħaqqad l-edukazzjoni mal-ħtieġijiet tal-industrija. Qalet li għal dan il-għan, il-kulleġġ iħejji lill-istudenti b’ħiliet u abbiltajiet biex jipprovdu l-kapital uman li hu meħtieġ għall-diversi professjonijiet u li hu essenzjali biex l-ekonomija tkompli tikber u tiżviluppa niċeċ ġodda.

Il-Ministru għar-Riċerka u l-Innovazzjoni Owen Bonnici qal li l-MCAST irnexxielu jittrasforma ruħu f’ċentru importanti ta’ kreattività, riċerka u innovazzjoni li qed jimmotiva lill-istudenti u lill-istaff akkademiku biex jimirħu fl-ideat u l-proġetti tagħhom. Assigura wkoll li l-kulleġġ se jibqa’ impenjat għal kollaborazzjoni internazzjonali ma’ universitajiet, imsieħba fl-industrija u laboratorji ta’ riċerka.