Investiment ta’ €38 miljun f’Patrol boat ġdida għall-Forzi Armati

Ix-xiri ta’ patrol boat ġdida li se tkun tista’ tbaħħar f’distanzi ‘il bogħod minn Malta ġie stmat li se jiswa lill-Forzi Armati qrib l-€40 miljun. Is-sejħa għall-offerti għax-xiri ta’ din il-patrol boat se toħroġ is-sena d-dieħla. Fl-istess waqt l-akbar patrol boat li għandha bħalissa l-armata se tieqaf tintuża għal xi żmien biex isirlha xogħol estensiv ta’ manutenzjoni. Dan il-vojt se jimtela’ minn lanċa kbira li l-gvern Irlandiż ta lil Malta u li se tasal sal-aħħar tas-sena.

Il-Forzi Armati bdew it-tħejjijiet biex fix-xhur li ġejjin joħorġu sejħa għall-offerti għax-xiri ta’ lanċa ġdida għal ħidmiet fuq il-baħar f’distanzi ‘il bogħod ħafna minn Malta. Sal-lum dan ix-xogħol jista’ jsir minn tliet patrol boats. L-akbar waħda, il-P61 li issa ilha fis-servizz għaxar snin u teħtieġ xogħlijiet estensivi ta’ manutenzjoni u inġinerija fuq il-magni. Dan ix-xogħol mistenni jiswa madwar €7 miljuni u ġie nkluż fil-lista ta’ proġetti kapitali li l-Forzi Armati se twettaq b’għajnuna ta’ fondi mill-Unjoni Ewropea.

AFM patrol boatsAnki l-patrol boat il-ġdida se tinxtara bl-għajnuna ta’ fondi tal-Unjoni Ewropea mill-Fond għas-Sigurtà Interna u mistennija tiswa mat-€38 miljun. Il-lanċa l-ġdida mistenni li jkollha l-istess kapaċitajiet bħall-P61. Sorsi fl-armata qalu li l-ħtieġa ta’ lanċa oħra ta’ dan il-kobor tinħass sew fost il-membri tal-armata stazzjonati fl-Iskwadra Marittima kemm biex itejjbu l-kapaċitajiet tal-iskwadra imma anki biex tittaffa l-pressjoni ta’ xogħol fuq l-ekwipaġġ tal-P61, bis-suldati abbord jaħdmu spiss sigħat twal. Il-Ministru tal-Intern u s-Sigurta’ Nazzjonali, Carmelo Abela, qal li sakemm tiġi ordnata u tasal il-lanċa l-ġdida jridu jgħaddu mill-anqas sentejn. Bħala miżura temporanja se tintuża patrol boat kbira li ngħatat mill-Gvern Irlandiż u li għandha tasal Malta sa tmiem din is-sena.

“Sakemm f’dawn is-sentejn li ġejjin ikollna l-patrol boat il-ġdida u l-P61 għandu bżonn isirliha ċerta xogħol fuqha allura se nkunu qed niddependu fuq din il-lanċa Irlandiża li ġentilment ġiet mogħtija mill-gvern Irlandiż wara diskussjonijiet li kellna mal-Ministru tad-Difiża Irlandiż. Għandna relazzjoni tajba mal-Irlandiżi u nħarsu ‘il quddiem biex inkomplu naħdmu mal-gvern Irlandiż f’dan ir-rigward anki fejn jidħol taħriġ tas-suldati tagħna u anke tas-suldati tagħhom li jistgħu jiġu Malta jagħmlu taħriġ li jkollhom bżonn,” qal il-Ministru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, Carmelo Abela.

AFM Patrol BoatFil-bidu ta’ din is-sena, din il-patrol boat temmet 35 snin ta’ servizz mal-qawwiet navali Irlandiżi. Din il-patrol boat teħtieġ ekwipaġġ ta’ 45 persuna, li qed jingħata t-taħriġ fosthom l-Irlanda fejn fuq il-lanċa saru wkoll b’nofs miljun Ewro f’xogħlijiet ta’ manutenzjoni u titjib qabel ma tibda l-vjaġġ lejn Malta.

Fuq medda ta’ ħames snin, il-Forzi Armati se jinvestu €75 miljun fi proġetti kapitali b’għajnuna finanzjarja mill-Unjoni Ewropea. Anki t-Taqsima tal-Isplussiv se tgawdi minn fondi fosthom biex tixtri robot modern komplut b’vettura għall-ġarr tiegħu stmati li jiswew miljun u nofs Ewro.

Aħbarijiet Oħra
COVID-19

Fi tmiem laqgħa tal-Kunsill għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, il-Prim Ministru Robert Abela, qal li l-Kunsill qabel fuq għadd ta’ punti b’eċċezzjoni għall-Assoċjazzjoni Medika li ma tridx li jsiru attivitajiet bħal…

Kultura

Giuseppe Calì għandu rabta qawwija mal-Knisja tad-Dumnikani fil-Belt, mhux biss b’xogħlijiet ta’ arti tiegħu imma għax tgħammed u għammed lil uliedu f’din il-knisja. Fl-aħħar sena u nofs sar xogħol ta’…

Ambjent

L-għawwiema din is-sena wisq probabbli li qed jirnexxielhom jiskansaw xi tniggiża minn xi brama. Dan minħabba li l-klima sħuna ta’ din is-sena wasslet biex il-qatgħet ta’ bram jidħol qabel beda…

Infrastruttura

Il-proġett tal-parkeġġ pubbliku f’Birżebbuġa, biswit il-Port Ħieles, daħal fil-fażi tal-evalwazzjoni. Fi stqarrija l-Gvern qal li tmien kumpaniji wrew l-interess tagħhom f’dan il-proġett, li se jsir b’investiment ta’ €3.2 miljun mill-Ministeru…

Aktar