Saħħa
Investiment ta’ €400,000 għal magna għall-kura tal-kanċer fil-fwied u fil-kliewi f’Mater Dei

Fl-Isptar Mater Dei llum ġiet inawgurata magna sofistikata magħrufa bħala ‘angiosuite’ li nxtrat b’investiment ta’ iktar minn €400,000 li biha jsiru interventi partikolari għall-kura tal-kanċer fil-fwied u fil-kliewi fost l-oħrajn. L-investiment f’dan it-tagħmir hu parti minn investiment ta’ kważi sitt miljuni fid-Dipartiment tal-Medical Imaging.

L-Isptar Mater Dei issa hu mgħammar bit-tieni angio suite, sala żgħira b’magna sofistikata ħafna li swiet iktar minn €400,000 u li biha t-tobba jistgħu jagħmlu interventi fl-arterji li jkunu dojoq jew miżdudin b’toqba żgħira ta’ ftit millimetri mis-saqajn jew l-idejn.

Dr Kenneth Saliba li jmexxi l-Medical Imaging Department qal li b’din il-magna b’riżoluzzjoni tajba ħafna se jkunu jistgħu jsiru ċerti interventi fosthom fuq tumuri jew f’każijiet aktar kritiċi ta’ bejn ħajja u mewt. “Dawn tipikament ikunu wara accidents jew wara xi treatment ieħor jew minn tumur u hawnhekk l-intervent irid isir b’mod urġenti u din it-tieni kamra se ttina din il-faċilità għax b’kamra waħda ovvjament ikollna ftit kunflitt ma’ każijiet li jkunu bbukkjati u dawk li ma nkunux nafu bihom jiġu minn ħin għall-ħin u b’dan il-mod ħa nkunu nistgħu nakkomodaw it-tnejn”.

Waqt l-inawgurazzjoni tal-magna, id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne qal li l-investiment f’dan id-dipartiment ilaħħaq il-ħames miljun u seba’ mitt elf ewro.

Spjega li kull sena madwar 3,000 pazjent jużaw l-angio suite l-oħra għal medja ta’ bejn 10 u 15-il persuna kuljum.

Intqal li meta ma tkunx qed tintuża, l-angio suite ġdida tista’ tiġi modifikata għal proċeduri oħrajn.