Ambjent
Investiment ta’ miljun ewro għall-għawwiema u l-bajjiet

L-Awtorità tat-Turiżmu din is-sena investiet mal-miljun ewro biex iżżid il-faċilitajiet għall-għawwiema waqt li qed timmaniġġja ħafna mill-bajjiet li kisbu r-rikonoxximent internazzjonali tal-bandiera blu, li f’Malta u Għawdex, għandna tnax-il waħda.

Kmieni mas-sebħ, uffiċjali tal-Awtorità tat-Turiżmu jispezzjonaw Golden Bay – il-bajja tal-Mixquqa, biex qabel itellgħu l-Bandiera l-Blu jassiguraw li l-bajja tkun miżmuma tajjeb, li tkun nadifa, aċċessibbli u bi kwalità ta’ ilma tajba.

Pauline Dingli, mill-Awtrorità tat-Turiżmu, qalet li din l-ispezzjoni ssir ta’ kuljum f’għaxar bajjiet f’Malta u Għawdex li jtajru l-Bandiera l-Blu u li jaqgħu taħt ir-responsabilità tal-Awtorità.

“Din is-sena żidna aktar wheelchairs, bgħatna ħames wheelchairs li jimxu fuq ir-ramel, li jibqgħu neżlin fl-ilma u jifflowtjaw; żidna mat-tmien metru ta’ twapet – kemm sintetiċi kif ukoll tal-injam, biex ikun hemm aktar aċċessbilità. Irranġajna fejn kien hemm rampi tal-konkos” qalet Pauline.

Is-Sinjura Dingli qalet li l-Awtorità tat-Turiżmu investiet mal-miljun ewro fuq l-immaniġġjar ta’ dawn il-bajjiet u ħamsa oħra li għad ma jtajrux il-bandiera l-blu għax ma jkunx laħħqu t-32 kriterju stabbilit mill-Fondazzjoni Internazzjonali għall-Edukazzjoni Ambjtentali.

L-uffiċjal qalet li din is-sena tpoġġew 11-il set ta’ shower ġdid f’seba’ bajjiet. Hija qalet li qegħdin jiżdiedu r-rapporti mill-uffiċjali tal-Awtorità li qegħdin jinnutaw irresponsabbilità fl-użu tal-faċilitajiet. Żiedet li mhix tkun l-eċċezzjoni li l-vitien tal-ilma jitħallew miftuħin għal iljieli sħaħ. Fuq bażi regolari, l-Awtorità tara li torganizza diversi kampanji biex il-pubbliku jżomm il-bajjiet nodfa.

“Kull ġimgħa r-ramel jiġi mgħarbul kollu però meta jkun qed jitgħarbel ir-ramel, il-frak taċ-charcoal u s-sigaretti jgħaddu mill-għarbiel, allura nagħmlu ħafna kampanji biex min qed ipejjep jitlob ashtray lil beach supervisor biex ma jarmix is-sigaretti fir-ramel” qalet Pauline Dingli.

Kampanja oħra hija biex isir is-separazzjoni tal-iskart fuq il-bajjiet – għamilna dustbins bil-kuluri differenti, il-boroż kuluri differenti, bl-isticker fuqhom biex kulħadd ikun jaf fejn għandu jarmi.

L-Awtorità tat-Turiżmu introduċiet sistema ġdida ta’ QR Code, bil-pubbliku jista’ jaċċessa r-rapport dwar il-kwalità tal-ilma fil-bajjiet li jiġi analizzat perjodikament.

Kull klinika fejn hemm il-lifeguards tas-Soċjetà tas-Salib l-Aħmar hija numerata biex f’każ ta’ emerġenza jkun hemm kordinament aħjar bejn il-paramediċi, l-ambulanzi u l-isptarijiet.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Studju li sar mil-Kumpanija EY b’kollaborazzjoni mal-Kamra tal-Kummerċ wera li l-Industrija tal-Yachting tiġġenera aktar minn €100 miljun fis-sena minħabba dħul ieħor dirett għall-Gvern. Id-dettalji ngħataw f’konferenza tal-aħbarijiet li fiha l-Ministru…

Partit Nazzjonalista

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li minkejja li rreżista r-riformi l-Gvern kellu jimplimenta t-tibdil li qaltlu l-Kummissjoni Venezja. Waqt li kien qed jindirizza attività politika fiż-Żurrieq illejla, il-Kap Nazzjonalista qal…

Qorti

Raġel ta’ 26 sena, Steve Galea li nstab ħati li għex fuq il-prostituzzjoni tas-sieħba tiegħu, skansa l-ħabs wara li biddel ħajtu. Galea, kien ukoll akkużat li flimkien ma’ tnejn oħra,…

Aktar