Edukazzjoni
Investiti €10 miljun fi 80 laboratorju għat-taħriġ vokazzjonali fl-iskejjel

Għadd ta’ studenti qed jagħżlu li jitgħallmu suġġetti vokazzjonali biex jidħlu fid-dinja tax-xogħol. Bil-għan li dawn l-istudenti jkollhom l-għodda meħtieġa biex jiġu mgħallma dawn is-suġġetti, il-Gvern qed jinvesti €10 miljun, kofinanzjati mill-Unjoni Ewropea, biex isiru numru ta’ laboratorji f’diversi skejjel tal-Gvern.

Il-Ministru tal-Edukazzjoni Justyne Caruana żaret sitt laboratorji li saru fil-Kulleġġ San Benedittu f’Ħal Kirkop. Dawn huma fost tmenin laboratorju li l-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada stabbilixxiet fl-iskejjel madwar il-pajjiż biex jintużaw għat-tagħlim ta’ suġġetti vokazzjonali, fosthom l-ospitalità, it-tisjir, it-teknoloġija u l-ħarsien soċjali.

Dawn is-suġġetti qed jiftħu bibien għall-istudenti biex ikunu preparati kemm għall-ħajja kif ukoll għad-dinja tax-xogħol, mhux biss fuq livell teoretiku iżda b’mod partikolari fuq livell prattiku. Il-Ministru Caruana qalet li dan l-investiment ikopri kemm bini ġdid kif ukoll immodernizzar ta’ bini eżistenti, flimkien ma’ xiri ta’ apparat u tagħmir li huwa marbut mat-tagħlim.

“Investiment fi 80 laboratorju fi skejjel, kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex, 6 minnhom fil-Kulleġġ San Benedittu. Qed nitkellmu fuq laboratorji għal taħriġ vokazzjonali, u allura biex inkomplu ninvestu f’edukazzjoni aktar inklussiva fejn qed ninvestu fis-sħiħ ukoll fil-ħiliet tal-istudenti tagħna,” fissret Dr Caruana.

Is-Segretarju Parlametari fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru responsabbli mill-Fondi Ewropej, Stephan Zrinzo Azzpoardi, sostna li l-edukazzjoni vokazzjonali qed tiftaħ opportunitajiet ġodda għall-istudenti biex jiksbu taħriġ biex ikunu preparati aħjar għall-ħajja permezz tal-vjaġġ li qed jissejjaħ My Journey.

“B’investment ta’ UE f’Malta u Għawdex saru 80 laboratorju bil-għan li jkun hemm taħriġ vokazzjonali ġewwa l-kulleġġi. Fil-kulleġġ San Bendittu f’Ħal Kirkop saru 6 minn dawn il-laboratorji li kelli l-opportunità li nżur u nara l-esperjenza li qed jgawdu l-istudenti permezz ta’ dawn il-laboratorji, it-taħriġ u t-tagħlim jiksbu minnhom,” qal Dr Zrinzo Azzopardi.

Il-proġett Invest għandu għan partikolari, li jikkonsisti f’titjib u tisħiħ fl-infrastruttura li fiha jingħata t-tagħlim vokazzjonali lill-istudenti fl-iskejjel sekondarji.