Edukazzjoni
Investiti €35 miljun fil-qasam edukattiv f’Għawdex, fosthom kampus ġdid

Il-Ministru tal-Edukazzjoni Justyne Caruana ħabbret li l-Gvern qed jinvesti €35 miljun għall-istruttura edukattiva ta’ Għawdex. Fost dawn ħabbret proġett ta’ €10 miljun fil-kampus tar-Rabat, li jinkludi ċentru għall-ħarsien tat-tfal, kindergarten, skola primarja, skola medja, senior school, kif ukoll is-sixth form. Il-proġett jinvolvi l-bini ta’ skola primarja ġdida fir-Rabat, Għawdex, li se tieħu post dik preżenti, li għandha madwar 160 sena.

L-iskola l-ġdida se tkun f’post differenti u se tinbena fil-kampus edukattiv li diġà hemm fir-Rabat, bil-proġett jinkludi t-tkabbir u l-immodernizzar tal-iskola medja fl-istess kampus. L-iskola l-ġdida se jkollha 16-il klassi għas-snin tal-edukazzjoni primarja u 10 klassijiet għall-kindergarten, filwaqt li se jkollha wkoll klassijiet għal suġġetti speċifiċi, fosthom għat-tagħlim tax-xjenza, tat-teknoloġija tal-informatika u tal-arti.

Il-Ministru Caruana qalet li l-iskola primarja u l-kindergarten flimkien se jkunu kapaċi jesgħu madwar 650 tifel u tifla. Fil-binja tal-iskola l-ġdida se jkun hemm ukoll ċentru għall-ħarsien tat-tfal u bosta faċilitajiet sportivi. Dr Caruana qalet li fil-ġranet li ġejjin se tħabbar pakkett ta’ €25 miljun li se jiġu investiti f’numru ta’ skejjel Għawdxin.