Ambjent
Investment ta’ kważi €60,000 f’żewġ siti Natura 2000

Il-Gvern u l-Birdlife Malta laħqu ftehim li permezz tiegħu l-Gvern qed jinvesti €60,000 biex jissebħu żewġ siti ta’ Natura 2000 immexxija mill-Birdlife – dawn huma r-Riżerva Naturali tal-Għadira u r-Riżerva tas-Simar fix-Xemxija. F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Aaron Farrugia qal li l-Gvern qed iwieġeb għas-sejħa tal-għaqdiet mhux governattivi bħalma hi l-Birdlife li qed jitolbu għal iżjed spazji pubbliċi, tant li indika li fil-ġimgħat li ġejjin se jkun qed iħabbar inizjattivi ġodda f’dan ir-rigward.

Bi ftehim milħuq bejn il-Gvern u Birdlife Malta, iż-żewġ siti ta’ Natura 2000 li jitmexxew mill-Birdlife, ir-Riżerva naturali tal-Għadira u r-Riżerva tas-Simar fix-Xemxija, se jsiru xogħlijiet biex jitħares il-wirt naturali ta’ dawn iż-żewġ siti. Il-Gvern se jinvesti €60,000 f’dawn iż-żewġ siti li jinkludu t-twaqqif ta’ laboratorju għar-riċerka fis-Simar, użu ta’ prodotti u makkinarju ġodda biex jitħawwlu s-siġar, installazzjoni ta’ kameras tas-sigurtà u faċilitajiet sanitarji ġodda fir-riżerva tal-Għadira.

Il-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia spjega li dan ix-xogħol se jkun qed jgħin biex jitħeġġeġ it-tkattir u l-għixien ta’ speċi protetti bħall-bużaqq u ż-żrinġ. Qal li r-riżervi naturali tal-Għadira u tas-Simar huma ikkunsidrati bħala santwarji tal-għasafar u huma wkoll klassifikati bħala żoni speċjali ta’ konservazzjoni ta’ importanza internazzjonali.

”Bħalissa mal-ERA qegħdin naħdmu fuq pjan ġdid għall-biodiversità fil-pajjiż li jeħodna mill-2022 sal-2030. Jien illum tlabt li nippromwovu dawn il-faċilitajiet li jżuru t-tfal tagħna u l-istudenti tagħna imma wkoll il-familji Maltin u Għawdxin.”

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi, il-Perit Michelle Piccinino, qalet li r-rwol tal-ERA f’dawn is-siti huwa biex jiġi protett l-ambjent. Qalet li t-tfal qed ikunu maqtugħin mill-ambjent naturali u spjegat li hu għalhekk li hu importanti li jsir investiment f’dawn is-siti.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Birdlife Malta, Mark Sultana, qal li wara li ftit ġimgħat ilu l-Gvern ta artijiet fil-Miżieb u l-Aħrax tal-Mellieħa lil 300 kaċċatur, ma kienx konvint li din l-attività kellha ssir. TVM staqsa lil Mark Sultana x’wassal biex biddel il-ħsieb.

”Dak li ġara ġimgħat ilu ma tantx niżlet tajjeb mhux biss magħna imma ma’ numru kbir tal-poplu għax kien hemm artijiet kbar li ngħataw lil 300 kaċċatur però biddilt il-ħsieb tiegħi għax ridt nieħu din l-okkażjoni niltaqa’ mal-media u anke nuru rispett lejn il-Ministru tal-Ambjent li qed jaħdem ħafna għall-ambjent ta’ Malta.”

Dwar dan, TVM staqsa lill-Ministru Farrugia kif iwieġeb għas-sejħa li għaqdiet mhux governattivi bħal Birdlife u nies oħra qed jitolbu għal iżjed spazji pubbliċi.

”Il-karba u t-talba tan-nies kienet li jistennew mill-Gvern li jtihom iktar spazji ħodor miftuħa u jien dik ħadt nota tagħha u fil-ħidma tiegħi fil-ġimgħat li ġejjin se nħabbar kif jiena se nkun qiegħed naġixxi fuq dik il-karba u fuq dik l-għajta…”

Is-siti ta’ Natura 2000 jikkonsistu f’34 post li jkopru iktar minn 13% tal-art tal-Gżejjer Maltin u jammontaw għal madwar 44 kilometru kwadru – filwaqt li s-siti marittimi ta’ Natura 2000 jkopru 35.5% tal-ibħra Maltin.