Stejjer Umani
“Inweġġa’ wisq li ma nistax nara iktar lil marti u lil uliedi”

Kien suldat fil-Forzi Armati ta’ Malta għal 32 sena, iżda 4 snin ilu tilef id-dawl t’għajnejh. Alfred Reale qalilna li filwaqt li qed jipprova jadatta għal din id-diżabilità, l-ikbar għafsa tal-qalb li għandu hi li ma jistax jara iktar lil martu u lil uliedu.

Għandu 56 sena, u hu kburi ħafna li għal 32 sena, serva fil-Forzi Armati ta’ Malta. Erba’ snin ilu, minħabba kundizzjonijiet serji f’għajnejh fosthom Glaucoma, Alfred Reale tilef id-dawl t’għajnejh u llum jara biss ċpar u dellijiet.

“Bdjet nitlef id-dawl ftit ftit, u dejjem dieħla l-gewwa, il-fatt li kelli nuri lil kulħadd li ma narax, iebsa.”

Alfred qalilna li jammetti għadu ma aċċettax kompletament il-fatt li ma jistax jara, tant li għall-bidu sabha diffiċli ħafna biex jadatta. Qalilna li l-ikbar uġiegħ tal-qalb hi li ma jistax jara lil martu Lourdes, liż-żewġ uliedu u lin-neputi tiegħu Jake ta’ 10 snin.

“U tixtri libsa u ma nistax nara jew għamlet xagħarha, u t-tfal ma narahomx sew”.

Minkejja li kien emozzjonat, Alfred qalilna li huwa grat għall-imħabba ta’ martu u t-tfal, u l-kelba Adele li tgħinu ħafna meta jkun miexi fit-triq għax tiffrankalu ħafna perikli. Alfred qal li bħalissa qed jikteb novelli b’risq il-Fondazzjoni tal-klieb gwida.”Baqgħali ftit dawl u nużah u qed nirrikordja novella nikteb jien stess, u persuna nieqes mid-dawl ma jistax jaqra ikun jista’ jismagħha”.

Alfred qal li minkejja li d-diżabilità fuqu ilha biss ftti snin, issa jifhem it-tbatija tal-persuni b’diżabilità, u se jaħdem biex iservi ta’ vuċi għal persuni li minħabba nuqqas ta’ saħħa, qed ibatu fis-skiet.