Kultura
Ipitter kwadri ma’ sħabu b’diżabilità biex jgħin lil Puttinu Cares

Christian Zammit, li għandu l-kundizzjoni Down Syndrome, jgħid li jħoss ħafna mħabba meta jpitter xi kwadru. Christian huwa wieħed minn dsatax-il persuna b’diżabilità fl-għaqda volontarja STAND, li bl-għajnuna tal-artista Josette Fenech se jtellgħu wirja tal-arti, li l-qligħ minnha se jmur għal Puttinu Cares.

Sibna lil Christian fi studio flimkien mal-artista Josette Fenech, ipitter kwadru li għalih ifisser ħafna. Christian għandu 40 sena, u minkejja li għandu l-kundizzjoni Down Syndrome, għandu ħafna kapaċitajiet fosthom ta’ kif jesprimi ruħu fl-arti, kif spjegalna huwa stess.

“Jisimha l-mewġ tal-imħabba, ifisser l-imħabba li jiena rajt,” Christian Zammit.

Il-kwadru li qed ipitter se jkun parti mil-wirja li se tittella’ mill-għaqda volontarja Stand, bi kwadri mpittra minn dsatax-il persuna b’diżabilità, li flimkien mal-ġenituri tagħhom jiffurmaw parti minn din l-għaqda.

L-artista Josette Fenech ilha madwar tliet xhur tiggwida lill-persuni b’diżabilità biex flimkien pinġew total ta’ 37 kwadru. Qaltilna li kienet sorpriża ħafna bil-kwalità għolja ta’ tpinġija tagħhom.

“Fehmthom qabel, l-iskop biex ngħinu lil Puttinu Cares, u meta semmejtilhom hekk, iktar kellhom enerġija, u iktar pittru minn qalbhom,” qalet Josette Fenech.

Il-President tal-għaqda Stand, Simon Cilia qal li jħossu kburi ħafna bid-dsatax -il persuna b’diżabilità li b’entużjażmu kbir ħadmu kwadri artistiċi biex jgħinu pazjenti mgħejjuna minn Puttinu Cares.

Ferħan li se jesibixxi kwadru tiegħu Christian Zammit emozzjona ruħu meta staqsejtu fuq l-esperjenza tiegħu mal-artista Josette Fenech. “Rajt imħabba fiha, lil Josette, għax qed tgħini”

L-esibizzjoni ta’ Christian u sħabu se tittella’ fi tmiem din il-ġimgħa fil-każin tal-Banda La Victoria fil-Mellieħa.

Aħbarijiet Oħra
COVID-19

Koppja Maltija li tinsab abbord cruise fil-Mediterran għamlet appell imqanqal lis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika biex tikkunsidra mill-ġdid id-deċiżjoni li ma titħalliex tinżel Malta. Marthese Bonello u Joseph Mercieca kitbu ittra pubblika…

Qorti

Tneħħew l-ispejjeż tal-qorti għal persuni li fil-ġranet u fil-ħinijiet normali tax-xogħol jitolbu li jinfetaħ ir-reġistru tal-qorti biex jippreżentaw rikorsi urġenti fir-reġistru tal-Qorti. Dan sar b’avviż legali minħabba li r-reġistru tal-qorti…

COVID-19

Ma nstab ħadd jikser il-kwarantina obbligatorja waqt l-425 spezzjoni li saru fl-aħħar sigħat madwar Malta u Għawdex, bl-appell jittenna biex kulħadd jibqa’ responsabbli u jikkopera mad-direttivi li jingħataw mill-awtoritajiet. Madanakollu 4…

Lokali

Wara riformi li saru inkluż tisħiħ tar-riżorsi umani fil-FIAU skont ir-rakkomandazzjonijiet, tal-Money u tal-Awtorità Bankarja Ewropea l-Aġenzija li tgħasses fuq il-ħasil tal-flus, kellha żieda qawwija f’rapporti dwar transazzjonijiet finanzjarji suspettużi….

Aktar