Is-sospensjoni tax-Schengen twassal biex jinqabad Filippin li biddel is-sena tat-twelid fuq il-passaport

Membru tal-ekwipaġġ Filippin ingħata sentenza sospiża wara li biddel is-sena tat-twelid fuq il-passaport tiegħu biex jibqa’ jaħdem abbord bastiment merkantili.

Fausto Gamboa, ta’ 59 sena ammetta l-akkuża li biddel il-passaport u li konxjament għamel użu mill-bidla.

Minħabba s-sospensjoni temporanja tar-regoli ta’ Schengen, kull bastiment li jidħol Malta irid jagħmel il-kontrolli kollha obbligatorji.

L-akkużat inqabad wara li l-bastiment li jaħdem fuqu, daħal Malta biex ibiddel l-ekwipaġġ.

L-Ispettur Mario Haber qal lill-Qorti li l-akkużat biddel is-sena tat-twelid minn 1954 għal 1974 biex jinganna lil min iħaddmu ħalli iħallih jaħdem għal żmien itwal fuq il-bastiment bħala membru tal-ekwipaġġ.

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera tagħtu sentenza ta’ sitt xhur ħabs sospiżi għal sentejn.