Lokali
Ipprova jwaħħal fil-kelb għal vjolenza li wettaq fuq bintu u martu fil-Ħamrun

Raġel ta’ 61 sena li joqgħod il-Ħamrun nstab ħati li fil-31 ta’ Diċembru ta’ sentejn ilu darab ħafif lil martu u lil bintu wara li ħebb għalihom waqt argument li nqala’ f’kamra tas-sodda ta’ dar fil-Ħamrun.

L-aggressjoni seħħet għall-ħabta tal-ħamsa ta’ filgħaxija malli r-raġel wasal id-dar mix-xogħol. Ir-raġel li kien għaddej minn proċeduri ta’ separazzjoni, baqa’ tiegħla fl-ispare bedroom fejn sab lil bintu u lil ommha fuq il-mobile u sabbat il-bieb bis-saħħa.

Kien hawn li b’rabja kbira, infexx f’tgħajjir, dagħa u mossi oxxeni u ġibed il-kutra minn fuq bintu b’saħħa u xeħtilha l-mobile mal-art. Malli qamet biex tiġbru, beda joffendiha bid-demm tagħha, qalilha li “nisa bħalek ħaqqhom min iħanxarhom”, beda jagħti bil-ponn mal-ħajt u f’ħin minnhom ħabbtilha rasha mal-ħajt.

Waqt li rnexxielha tisgiċċah biex iċċempel lill-pulizija, martu spiċċat qalgħetha f’daharha meta ġibdet lill-kelb tar-razza Maltese Terrier biex tipproteġih wara li ċapċaplu tliet daqqiet f’wiċċu.

Fl-istqarrija li ta lill-Pulizija l-għada tal-inċident huwa ċaħad li qatt sawwat lil martu jew lil bintu.Qal li kellu rabja kbira u beda jagħti fuq il-ħajt. Fix-xhieda tiegħu fil-Qorti, huwa qal li dakinhar tal-inċident sar jaf li martu u bintu kienu ħerġin festin tal-Ewwel tas-Sena u kienu sejrin mingħajru. Hu ċaħad ukoll li mess lil martu u sostna li l-ġrieħi li ġrawlha kienu tort tal-kelb li girifha f’daharha.

Dan meta l-mara kellha wkoll tbenġil f’daharha fil-parti t’isfel.

Fid-deċiżjoni tagħha, il-Maġistrat Nadine Lia nnotat li l-akkużat, ipprova jmajna u jitfa’ r-responsabbiltà fuq fatturi oħrajn, fosthom li l-kelb ta’ razza żgħira, ikkaġuna tbenġil f’dahar martu u li bintu setgħet weġġgħet meta mbottaha.

Il-Qorti qalet li ħareġ biċ-ċert li r-raġel kellu rabja kbira għax ma setax jirranġa ma’ martu. Waqt li apprezzat li l-familja kienet għaddejja minn perjodu sensittiv fejn kienet fil-proċess li tinfired, qalet li dan l-għemil għall-għarrieda ma jgħinx u jkompli jkabbar il-ferita.

Il-Qorti osservat ukoll li l-imputat qatt ma wera sogħba għal għemilu.

Fid-deċiżjoni tagħha, il-Maġistrat Lia poġġiet lill-akkużat taħt ordni ta’ trattament biex ikompli jindirizza l-problemi ta’ rabja li għandu għal perjodu ta’ sena u taħt l-osservazzjoni tad-Direttur Probation u Parole għal sena taħt penali ta’ elf ewro.

Il-Qorti ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni fil-konfront tiegħu billi ma jersaqx, jikkuntattja, jew b’xi mod isegwi lil omm u lil bint.