Elezzjoni
Ippubblikat ir-reġistru elettorali għall-elezzjoni li jmiss – iċċekkja li int imniżżel

Il-Kummissjoni Elettorali ippubblikat ir-reġistri elettorali riveduti għall-Elezzjonijiet Ġenerali, għall-Kunsilli Lokali u għall-Unjoni Ewropea fil-Gazzetta tal-Gvern tat-30 ta’ April, 2021.

Fi stqarrija l-kummissjoni qalet li kull min kellu l-kwalifiki meħtieġa biex ikun reġistrat bħala votant sal-31 ta’ Marzu 2021, u ismu ma ġiex inkluż fir-Reġistru rispettiv, għandu ċans sa nhar il-Ġimgħa 21 ta’ Mejju 2021 biex jappella.

Dan jgħodd ukoll għal kull votant li ismu, l-indirizz jew xi partikolaritajiet tiegħu mhumiex murija b’mod korrett, u jixtieq jitlob korrezzjoni.

L-istess data ta’ għeluq tgħodd għal kull votant reġistrat li jgħid li, minħabba xi raġuni legali, l-isem ta’ xi persuna għandu jinqata’ barra mir-reġistru.

Kull persuna li tixtieq tagħmel appell lill-Uffiċjal Reviżur tista’ tikseb għajnuna mill-Uffiċċju Elettorali. Kulħadd huwa mfakkar dwar l-importanza li jivverifika li ismu ġie inkluż fir-Reġistru Elettorali.

Wieħed jista’ jara jekk hux reġistrat bħala votant f’dawn ir-reġistri billi jidħol onlajn fis-sit elettroniku tal-Kummissjoni Elettorali, www.electoral.gov.mt, fis-sezzjoni “Pubblikazzjonijiet” u jagħfas il-buttuna “Nista’ nivvota?” jew il-buttuna “Fittex fir-Reġistri”.

Min jixtieq jara r-Reġistri kollha jista’ jarahom fl-Uffiċċju Elettorali. Dawn ikunu wkoll għall-bejgħ mid-Dipartiment tal-Informazzjoni bħala volumi.