Kurżitajiet
Iqum minn koma u jibagħtu jixxejjer

Minn jgħid li miraklu u min jgħid li bis-saħħa tal-kapaċità tat-tobba u t-teknoloġija – 4 pazjenti f’kundizzjonijiet gravi, li kienu ilhom snin twal f’koma, irnexxielhom iqumu minnha.

Dan ġara f’temp ta’ ftit xhur, fl-istess sptar ta’ Centro Vada Sabati f’Vado Ligure. Il-pazjenti kienu 2 nisa u 2 irġiel f’stat veġetattiv li għaġġbu lil kulħadd.

Immeraviljati u viżibbilment kommosi, il-qraba tal-pazjenti qalu li dan ma kien xejn ħlief miraklu u bidu għal ħajja ġdida.

Jibqa’ mnaqqax fil-memorja tal-fiżjoterapist Gianfranco Bruzzone, il-qawmien ta’ wieħed mill-pazjenti rġiel. Bruzzone kien qed jagħmel it-testijiet tas-soltu mal-pazjent meta nduna li dan beda jċaqlaq għajnejh u b’mod insistenti, Bruzzone talbu jikkomunika miegħu. Il-pazjent minnufih bagħtu jixxejjer – din kienet l-ewwel frażi li nissel il-pazjent wara 4 snin mitluf minn sensih.

Bruzzone qal li kien mument ta’ ferħ qawwi kemm għalih kif ukoll għall-pazjent u jisħaq li dan ma setax ikun possibbli mingħajr it-trattament imsejjaħ ‘stimulazzjoni polisensorjali’ fejn, l-esperti jissuġġettaw lill-pazjent għal tipi ta’ dwal differenti, mużika u saħansitra jdewwquhom l-ikel favorit tagħhom.

Bruzzone qal li pazjent ieħor wera sinjali ċari ta’ titjib fil-kundizzjoni tiegħu wara li dewquh id-deżerta li kienet l-aktar għal qalbu – it-Tiramisù.

Ir-riżultati sorprendenti fl-isptar Vada Sabati taw tama qawwija lill-qraba ta’ pazjenti oħrajn.