COVID-19
Ir-raba’ każ ta’ COVID19 f’Malta hu raġel ta’ 49 sena

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci, qalet li r-raba’ każ tal-coronavirus f’Malta hu raġel barrani, mhux Taljan, li jgħix Malta, ta’ 49 sena u ġie lura minn btala fi Trentino Alto Adige fl-Italja.

“Dan il-persuna flimkien mal-familja tiegħu, siefer fit-23 ta’ Frar, mar l-Italja through Treviso u mar holiday Alto Adige u ġie lura fis-27 ta’ Frar. Sadattant la l-persuna u ħadd mill-familja tiegħu ma kellu sintomi, però fil-5 ta’ Marzu l-persuna żviluppa d-deni. Dan għamel kuntatt magħna lbieraħ, aħna morna għandu u għamilnilu l-iswab, inħadmet fil-laboratorju tagħna u irriżulta li huwa pożittiv għall-COVID.”

Il-Professur Gauci spjegat li minnufih saru l-arranġamenti biex dan ir-raġel ittieħed l-isptar Mater Dei. Qalet li bħala mezz ta’ prekawzjoni, il-partner u t-tifla adolexxenti qed jinżammu Mater Dei.

“Dan il-persuna għamel is-self quarantine wara xi ftit ġranet, mhux mill-ewwel. Pero’ mill-informazzjoni li għandna, meta kien bis-sintomi hu kien diġa ġewwa, u ma marx xogħol, la hu u lanqas il-partner tiegħu u t-tifla ma marritx skola lanqas. Allura hemmhekk aħna r-riskju huwa ħafna inqas li tinfirex lil ħaddieħor.”

Il-Professur Charmaine Gauci qalet li l-awtoritajiet tas-saħħa għamlu wkoll eżami ma’ min kellhom kuntatt dawn il-persuni u irriżulta li kien hemm kuntatt ma’ żewġ persuni oħra li ġew identifikati u m’għandhom l-ebda sintomi, imma dawn ukoll qed jinżammu kwarantina mandatorja.

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika enfasizzat li m’hemmx lok ta’ allarm. Appellat lin-nies biex jibqgħu jagħmlu l-kwarantina għal 14-il ġurnata meta jiġu lura minn postijet fejn hemm il-coronavirus. Sostniet li sal-lum saru 265 test fuq nies li kellhom sintomi ta’ deni sola, qtugħ ta’ nifs u ħarġu negattivi.

Il-Professur Gauci qalet li għalhekk bħalissa 7 persuni qed jinżammu f’iżolament, 3 minnhom bħala prekawżjoni u 3 persuni fi kwarantina mandatorja f’djarhom.

Dwar il-cruiseliner MSC Grandiosa u wkoll cruiseliner ieħor li twaqqfu milli jidħlu Malta dalgħodu, il-Professur Gauci qalet li jirriżulta li abbord m’hemmx l-ebda Malti. Mistoqsija fuq il-Maltin li issa nqabdu l-Italja, l-Professur Gauci qalet li permezz tal-ambaxxata qed isiru l-arranġamenti biex ikunu jistgħu jiġu lura, madankollu, għal dawk in-nies li se jiġu lura minn postijiet fejn hemm riskju għoli tal-coronavirus, se jingħataw ir-rakkomandazzjoni li jagħmlu l-kwarantina. Żiedet tappella biex min ikun f’dubju dwar sintomi li jhoss icempel fuq il-helpline 111.

Bil-festa ta’ San Patrizju wara l-bieb u fiha jsiru attivitajiet tal-massa, mistoqsija minn TVM jekk dawn għandhomx jitħassru, qalet li llejla l-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne se jitkellem fil-Parlament dwar deċiżjoni f’dan ir-rigward.

Aħbarijiet Oħra
Parlament

Id-Deputat Kap tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u Kap tad-Dipartiment għall-iżvilupp tal-prodott turistiku, Leslie Vella qal li l-iskop ewlieni tal-ftehim mal-kumpanija tal-ajru privata Vistajet kien li jirreklamaw lil Malta bħala ċentru ġdid…

Saħħa

L-Awtorità għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur, l-MCCAA, approvat 20 magna tan-nifs li ġabet b’xejn miċ-Ċina, l-Għaqda ta’ Ħbiberija bejn Malta u ċ-Ċina. Fi stqarrija, il-President ta’ din l-għaqda, l-eks Ministru Reno…

Politika

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-proċess ġudizzjarju għadu għaddej, u dwar il-pożizzjoni ta’ Chris Cardona fil-partit indika li se jkun qed jieħu d-deċiżjonijiet li hemm bżonn iktar ‘il quddiem….

COVID-19

Għalkemm mhumiex permessi attivitajiet tal-massa, jista’ jkun hemm sa massimu ta’ 75 persuna f’post wieħed sakemm hemm spazju għal persuna waħda għal kull erba’ metri kwadri f’uffiċini, teatri u mużewijiet. Waqt…

Aktar