Ikel
Ir-rabta tal-Ħamrun maċ-ċikkulata – x’kien isir fl-inħawi tas-Samra?

Li mhux għall-Covid, fi tmiem din il-ġimgħa fil-Ħamrun kienet issir festa ta’ Ċikkulata; iżda bħal ħafna attivitajiet oħra l-festival ma sarx. Xorta waħda tkellimna ma’ dulċier dwar l-arti taċ-ċikkulata!

Id-dulċier Tiziano Cassar ħa sehem fil-festival taċ-Ċikkulata tal-Ħamrun l-ewwel darba s-sena l-oħra meta ppreżenta “l-Alla tal-Baħar” f’mudell daqs ta’ bniedem.

Ir-rabta tal-Ħamrun maċ-ċikkulata ġejja mill-fatt li fl-inħawi tas-Samra kien hemm mħażen fejn sa minn żmien il-Kavallieri kienet tinħażen il-‘cocoa bean’ li minnha ssir iċ-ċikkulata.

Tiziano qal lil Television Malta li mill-festival tal-Ħamrun tgħallem ħafna kif jaħdem iċ-ċikkulata skont il-kundizzjonijiet tal-klima u t-temperatura. “Jidħol element ta’ skultura, aktar dedikazzjoni, aktar irfinezza.”

Qalilna li jeżistu erba’ tipi ta’ ċikkulata. “Għandna ċ-ċikkulata bajd, iċ-ċikkulata tal-ħalib, iċ-ċikkulata skura u ċ-ċikkulata r-roża li hija ruby. Din skoprewha ftit taż-żmien ilu, qed jevolvu fuqha, iċ-ċikkulata sabiħa anki fit-tomgħa u hija oriġinali maħluqa, xi ħaġa naturali.”

Minkejja li l-pandemija din is-sena sfrattat il-Festival taċ-Ċikkulata, f’Marzu li għadda Tiziano laħaq ipparteċipa f’kompetizzjoni fl-Ingilterra b’mudell ta’ Samurai maħdum kollu biċ-ċikkulata u kklassifika fit-tieni post. Kien uża ċikkulata skura u dam jaħdem fuqu xahar u nofs.