Lokali
Ir-rabtiet bejn l-10 irġiel arrestati għokru għajn il-Pulizija

Għadhom għaddejjin l-investigazzjonijiet tal-Pulizija

Il-Pulizija mhix tqis il-pass tal-bieraħ, meta ressqet tliet irġiel il-Qorti, bħala t-tmiem tal-investigazzjoni kumplessa u delikata fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Sorsi li tkellmu ma’ tvm.com.mt spjegaw li bejn l-għaxar persuni li ġew arrestati nstabu rabtiet komuni iżda sa issa m’hemmx evidenza jew evidenza biżżejjed li turi li s-sebat irġiel li ġew arrestati nhar it-Tnejn u ngħataw il-police bail kellhom xi sehem fil-qtil tal-ġurnalista.

L-akkużati kien ilhom arrestati 38 siegħa

Vince Muscat u l-aħwa Alfred u George Degiorgio ttieħdu l-Qorti fl-għaxra tat-Tlieta filgħaxija taħt sigurtà kbira. Huma kien ilhom 38 siegħa arrestati wara r-rejd ta’ sbieħ it-Tnejn filgħodu mill-Forzi tas-Sigurtà fil-Marsa fejn kienu f’kamra taħt it-tined ‘tal-patata’ fejn possibilment ippjanaw id-delitt ta’ Daphne Caruana Galizia.

F’awla ppakkjata b’ġurnalisti u pulizija quddiem il-Maġistrat Neville Camilleri, it-tliet akkużati dehru kalmi u f’waqt minnhom lissnu kliem f’widnejn xulxin anke jekk kienu fommhom sieket tul l-arrest tagħhom.

Ir-raġel ta’ Daphne ħares fiss f’għajnejn l-akkużati

Fl-awla kien hemm ukoll l-Avukat Peter Caruana Galizia, ir-raġel tal-ġurnalista maqtula. Huwa deher iħares fiss f’għajnehom u f’waqt minnhom twaqqaf mill-Pulizija meta deher li kien se jieħu ritratt tagħhom bil-mobile. Kien hemm ukoll ħbieb ta’ Daphne u l-Avukati Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia li dehru parte civili għall-familja Caruana Galizia.

It-tliet akkużati li għandhom bejn it-53 u l-55 sena ma qabbdux avukat biex jassistihom, bil-Qorti tappunta lill-avukat tal-għajnuna legali, Dr Benjamin Valenzia biex jassisthom. Tliet avukati tal-kriminal li fl-imgħoddi assistewhom f’każi oħrajn qalu lil tvm.com.mt li ma ġewx ikkuntattjati biex jidhru għalihom.

L-akkużi li qed jiffaċċjaw il-Koħħu, il-Fulu u ċ-Ċiniż

Minbarra l-qtil tal-ġurnalista, it-tliet irġiel li sakemm jinstabu ħatja huma preżunti innoċenti, ġew mixlija li kkonfoffaw ma’ persuni oħrajn f’Malta u barra biex iwettqu dan ir-reat, li wżaw u kellhom l-isplussiv, li kienu nvoluti f’għaqda kriminali u li huma riċedivi.

L-irġiel li tressqu mill-ispetturi Keith Arnaud u Kurt Zahra, wieġbu mhux ħatja. Il-Maġistrat Camilleri iddeċieda li l-arrest kien validu u ordna l-iffriżar tal-assi tagħhom. L-akkużati m’għamlu l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest u mill-Qorti ttieħdu lejn il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin sakemm ikomplu l-proċeduri fil-Qorti.

Il-passat kriminali tat-tliet akkużati

Għalkemm it-tliet irġiel kienu magħrufa sew mal-Pulizija, qatt ma ġew ikkundannati b’sentenzi ta’ ħabs. Tliet snin ilu, Vince Muscat kien intlaqat bi tliet tiri f’rasu fl-Imsida u tliet snin ilu ċaħad li kien involut fl-attentat ta’ serqa fl-HSBC ta’ Ħal Qormi. Muscat għandu ġuri pendenti x-xahar id-dieħel.

George Degiorgio mlaqqam bħala ċ-Ċiniż kien tressaq il-Qorti fuq akkużi ta’ pussess illegali ta’ armi, drogi u għodda, waqt li ħuħ Alfred magħruf bħala l-Fulu kien wieħed mill-akkużati fis-serqa ta’ sbatax-il sena ilu fuq vann tal-Group 4 f’Santa Venera f’Ottubru tal-2016. Sena ilu, il-Qorti ma sabitux ħati.

Min ordna l-qtil u x’kien il-mottiv?

L-irġiel kienu fost għaxar persuni li ġew arrestati t-Tnejn filgħodu f’operazzjoni mifruxa f’mill-inqas disa’ postijiet. Is-sebat irġiel l-oħra ngħataw police bail, bil-Pulizija tista’ terġa ssejħilhom u possibilment tressaqhom il-Qorti f’każ li jkollha evidenza li kellhom sehem fid-delitt fil-Bidnija.

Sorsi qalu lil tvm.com.mt li mill-investigazzjonijiet instab li bejn l-għaxar persuni hemm rabtiet komuni li wħud minnhom qajmu aktar suspett minn oħrajn. Il-police bail hu validu għal tliet xhur.

Waqt li l-arrest tat-tliet irġiel qed jitqies bħala żvilupp importanti ħafna, il-Pulizija għadhom qed jinvestigaw bir-reqqa u jiflu kull tarf jew evidenza biex fost l-oħrajn jippruvaw jistabilixxu min ordna l-qtil u x’kien il-mottiv.

 

Ara wkoll:

ARA: Il-mumenti x’ħin is-suldati daħlu għall-għarrieda fuq is-suspettati fil-Marsa

ARA: L-operazzjoni delikata fuq l-art u l-baħar mill-AFM u l-Pulizija fil-Marsa

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Permezz ta’ investigazzjonijiet, il-Pulizija waslet għal madwar 20 persuna li huma vittmi ta’ traffikar ta’ bnedmin. Dan ħabbru l-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Michael Farrugia fi tweet li bagħat illejla,…

Lokali

Atleta Malti tal-Ispecial Olympics, Gilmour Borg, intgħażel biex iservi ta’ ambaxxatur tal-organizzazzjoni SIGA, fil-missjoni tagħha li tippromwovi l-integrità fl-isport. L-atleta tal-Ispecial Olympics, Gilmour Borg, inħatar bħala ambaxxatur mal-alleanza globali tal-integrità…

Lokali

Żagħżugħ Somalu kien ikkundannat 16-il xahar ħabs wara li nstab ħati li rreżista lill-pulizija li kienu se jfittxulu għad-droga, bil-konsegwenza li kiser seba’ ta’ Surġent. Bashir Abdulahi Ahmed kien akkużat…

Aktar