Kultura
Ir-rabtiet bejn Malta u l-kavallieri esplorati f’simpożju organizzat mill-President

Ir-rabta bejn l-Ordni Sovran ta’ Malta ma’ pajjiżna kienet imġedda fit-tieni simpożju mis-sensiela ta’ simpozji kulturali tal-Presidenza.

Il-President George Vella qal li l-Ordni Sovran ta’ Malta u r-Repubblika ta’ Malta għad għandhom potenzjal kbir biex iġeddu r-rabta storika bejniethom u jaħdmu flimkien biex iġeddu u jżommu ħajja l-preżenza tal-Ordni f’Malta.

L-Ordni Sovrana ta’ Malta tibqa’ sal-lum b’rabtiet ma’ Malta. Hija waħda mill-eqdem istituzzjonijiet fiċ-ċiviltà Kristjana, u ma’ kull fejn tħares f’Malta tara l-preżenza tal-istorja, l-arti u l-kultura li ħalliet warajha l-ordni fl-1798.

Illum il-ġurnata l-Ordni Sovrana ta’ Malta hija preżenti f’Malta b’missjoni diplomatika, Assoċjazzjoni Maltija tal-Ordni u kavallier residenti hawn – f’dan il-każ Fra John Critien, li joqgħod fil-Forti Sant’ Anġlu.

Ma’ Television Malta l-Ambaxxatur tal-Ordni Sovrana ta’ Malta, il-Prinċep Augusto Ruffo di Calabria qal li r-rabtiet ma’ Malta, waħda fost 120 pajjiż fejn l-Ordni hija attiva, huma b’saħħithom u se jkomplu mexjin ‘il quddiem.

“There is a very strong link because for us, Knights of Malta, the state of Malta is very important, in the same way everything remembers the old days when the knights of Malta were staying here, ruling the island, I think that we will have many plans together. I plan to do something very special for the national day , I rented a theatre in Valletta… there will be an exhibition of a very important artist, and it will be open to the public.”

Ir-rabta tal-Ordni ma’ Malta kienet wasslet biex isem Malta jingħata proprju lill-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann u ta’ Ġerusalemm biex saret l-Ordni ta’ Malta.

Huwa dan il-legat, qal il-President George Vella, li jorbot Nazzjon ma’ Ordni flimkien fl-iktar relazzjonijiet b’saħħithom għal li ġej.

Din ir-rabta bejn Malta u l-Ordni kienet trattata f’simpożju organizzat mill-Uffiċċju tal-President, li nfetaħ mill-President George Vella stess.

“L-Ordni hi dik l-entità li kellha kontroll ta’ Malta f’nofs is seklu 16 sas-seklu 18; qed nitkellmu 250 sena, u kellha influwenza enormi fuq il-kultura u l-politika u anke fuq il-kostumi tagħna, hemm ħafna kelliema, kulħadd kwalifikat fil-linja tiegħu, li qed jitkellmu fuq aspetti differenti tar-relazzjonijiet ta’ Malta mal-Ordni.”

Il-President Vella qal li l-irwol tal-Ordni ħa xejra oħra mat-tluq tagħhom minn Malta wara l-1798 , u llum magħrufa mad-dinja, speċjalment għall-għajnuna li jagħtu lil persuni vulnerabbli u l-morda. Dr Vella spjega kif f’Malta l-Ordni għadha għaddejja b’ħidma b’risq persuni b’diżabilità, ġenituri waħidhom, u nies fil-bżonn.

Huwa qal li l-Ordni Sovran ta’ Malta u r-Repubblika ta’ Malta għad għandhom potenzjal kbir biex iġeddu r-rabta storika bejniethom u, għal darba oħra, jaħdmu flimkien biex iġeddu u jżommu ħajja l-preżenza tal-Ordni f’Malta.