Qorti
Ir-raġel arrestat b’rabtiet mafjużi huwa sid kumpanija tal-iGaming f’Malta

It-Taljan arrestat ilbieraħ f’Malta b’mandat ta’ arrest Ewropew hu s-sid ta’ kumpanija tal-iGaming f’Malta u li tħaddem 80 persuna. Dan ħareġ mill-Qorti fejn beda l-proċess biex ir-raġel li ilu jgħix Malta 10 snin jiġi estradit lejn l-Italja.

L-għada li l-Pulizija arrestat Taljan li allegatament għandu rabtiet ma’ organizazzjoni Mafjuża u li kien imfittex mill-awtoritajiet Taljani, il-Pulizija ressqitu l-Qorti. Quddiem il-Maġistat Astrid May Grima beda l-proċess ta’ estradizzjoni.

Il-prosekuzzjoni mmexxija mill-Avukat Matthew Xuereb mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u mill-Ispettur Mark Galea qalet li l-arrest sar fis-Swieqi, quddiem ir-residenza tat-Taljan. Qalu li t-talba għall-arrest tat-Taljan saret fis-sistema Schengen fl-aħħar ta’ Jannar mill-qorti ta’ Reggio di Calabria. Fl-Italja hu kien imfittex minħabba assoċjazzjoni f’organizazzjoni, immaniġġjar u kollezzjoni ta’ mħatri u flejjes illegali biex jiffaċilitaw organizazzjoni mafjuża.

Il-Qorti laqgħet talba tad-difiża biex isem ir-raġel, li għandu 42 sena, ma jixxandarx. L-avukat Arthur Azzopardi argumenta fost l-oħrajn li jekk jingħad l-isem tiegħu, l-impieg ta’ 80 persuna li jaħdmu fil-kumpanija tiegħu f’Malta jistgħu jkunu f’periklu.

It-Taljan oġġezzjona li jiġi estradit.

Fit-trattazzjoni għat-talba għall-ħelsien mill-arrest, l-Avukat Azzopardi qal li r-raġel ilu joqgħod Malta 10 snin u għandu diversi rabtiet fil-pajjiż u żied li kieku kellu jaħrab minn Malta ilu li għamel hekk. Żied jgħid li l-awtoritajiet Taljani kienu qed ifittxuh biex iħallas it-taxxa korporattiva fl-Italja minflok f’Malta.

Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat li jingħata l-libertà kundizzjonata, fosthom minħabba li l-akkużi li qed jiffaċċja f’pajjiżu jġorru piena massima ta’ 7 snin ħabs. L-avukat difensur qal li t-Taljan kien lest iħallas minn butu għal Pulizija għassa mad-dar tiegħu.

Il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest u se jibqa’ jinżamm il-ħabs.

Aħbarijiet Oħra
Knisja Maltija

Tfaqqa kontroversja taħraq dwar il-kwadri fil-Knisja ta’ Ħal Kirkop. Dan wara li fil-festa ta’ San Ġużepp, ix-xahar li għadda l-Kappillan ħabbar li l-Kurja approvat li l-pittura tal-Madonna tad-Duluri li hemm…

Sport

Minn footballer professjonali għal DJ idur mad-dinja b’tours relatati mal-mużika. Dan mhu ħadd ħlief l-ex plejer internazzjonali Taljan, l-attakkant Christian Vieri. Huwa kien Malta għal ftit ħin fejn kien fost…

Kurżitajiet

F’Hollywood tħabbret il-mewt tal-attur u producer Peter Fonda fl-età ta’ 79 sena. Huwa miet wara battalja mal-kanċer. Fonda jibqa’ l-iktar magħruf għall-film li ħadem fih, kiteb u produċa fl-1969 –…

Edukazzjoni

L-Istitut għall-Istudji Turistiċi qal li wara kampanija li nieda żdied sew l-interess għal korsijiet full-time li joffri. L-ITS qal li kellu żieda ta’ iktar minn 50% fl-applikazzjonijiet meta mqabbel mas-sena…

Aktar