Kronaka
Ir-raġel li allegatament tefa’ immigrant fil-baħar għall-Qorti fil-ħin li ġej

Il-Pulizija se tressaq fil-Qorti t’Għawdex lir-raġel li allegatament waddab fil-baħar fil-Port tal-Imġarr immigrant Somalu.

Huwa se jiġi akkużat quddiem il-Maġistrat Simone Grech li, fost oħrajn, ikkaġunalu ġrieħi ħfief.

Filmat miġbud minn persuna fuq il-post qabad il-mument li fih l-immigrant intefa’ fil-baħar. Il-każ seħħ fit-18 ta’ Lulju li għadda.

Fil-filmat l-immigrant jidher qed jargumenta u jipprova jiċċaqlaq waqt li xi rġiel qegħdin iżommuh u jkellmuh, bħal qishom qed jikkalmawh.

F’daqqa u l-ħin, wieħed mill-irġiel li kien qed idur madwarhom u li jidher liebes flokk abjad, jaħtaf lill-immigrant minn spallejh, ikaxkru lejn it-tarf tal-moll u jwaddbu għal isfel.

L-immigrant jidher qed jipprova jitla’ lura mal-moll iżda jerġa’ jaqa lura fil-baħar.

Fl-isfond jinstema’ daħk, tisfir u għajjat, kif ukoll kummenti ta’ kundanna minn oħrajn.

Il-Pulizija kienet qalet li ż-żewġt irġiel kellhom jitressqu fil-Qorti.