Barranin
Ir-raġel li qatel 3 persuni f’Nizza kien għadu kemm wasal fl-Ewropa

Ir-raġel Tuneżin li qatel 3 persuni fi knisja f’Nizza lbieraħ, kien għadu kemm wasal fl-Ewropa.

Ir-raġel ta’ 21 sena kellu dokument Taljan tal-organizazzjoni tas-salib l-aħmar, li ħareġ wara li wasal fuq dgħajsa bħala immigrant f’Lampedusa fl-Italja x-xahar li għadda.

Il-pulizija Franċiża sparawlu u issa jinsab f’qagħda kritika. Il-President Emmanuel Macron sejjaħ l-attakk bħala wieħed terrorista Iżlamiku u li eluf ta’ suldati ntbagħtu jgħassu żoni pubbliċi bħal knejjes u skejjel, bl-istat ta’ allert fil-pajjiż issa qiegħed fl-ogħla livell.

Il-qtil tal-bieraħ fi Franza huwa simili għal attakk ieħor li seħħ f’Pariġi aktar kmieni dan ix-xahar fejn il-vittma kien għalliem Samuel Paty li spiċċa nqatel wara li wera karikatura tal-profeta Mohammed lil uħud mill-istudenti tiegħu.