Annimali
Ir-raħħala jistgħu jiffrankaw sa €50,000 kull wieħed fis-sena

Bis-saħħa ta’ madwar 90 raħħal li jrabbu l-baqar, il-Maltin għandhom garanzija ta’ ħalib frisk kuljum. Madankollu, dan is-settur b’madwar 6,300 baqra li bejniethom jipproduċu 41 miljun litru ta’ ħalib fis-sena, qed jiffaċċjaw sfidi bir-raħħala qed jippruvaw jaqtgħu l-ispejjeż bl-għajnuna tad-Dipartiment tal-Iżvilupp Rurali.

Proġett pilota li sar is-sena li għaddiet mid-Dipartiment tal-Iżvilupp Rurali wera li r-raħħala tal-ħalib jistgħu jiffrankaw sa €50,000 kull wieħed fis-sena.

Id-Direttur, Noel Azzopardi, spjega li l-istudju jagħmel għadd ta’ rakkomandazzjonijiet biex jgħin lir-raħħala jtejbu l-operat fl-irziezet tagħhom, fosthom il-kwalità tal-għalf u l-ilma li jisqu lill-bhejjem tagħhom.

“Fejn jidħol diżinfettanti u mmaniġġjar ta’ ndafa fir-razzett. Fejn jidħlu użu ta’ mediċini. Fejn jidħlu l-immaniġġjar tal-merħliet stess kif wieħed għandu jieħu ħsieb l-għoġġiela mindu jitwieldu sakemm jikbru u jsir t-tgħammir.”

Fil-proġett ħadu sehem 8 raħħala tal-ħalib fosthom David Galea li huwa wieħed minn madwar 90 raħħal bil-baqar li jipproduċu l-ħalib f’Malta.

“Jekk niffrankaw €0.50ċ f’kull baqra għall-mod tal-kelma diġà għamilna pass ‘il quddiem. U tipproduċu l-istess ammont ta’ ħalib xorta. Daqshekk hu.”

Il-proġett tnebbaħ mill-isfidi li qed jolqtu s-settur tal-ħalib.

“Il-prezzijiet tal-ġwież huma li huma. Il-prezz tal-ħalib, l-introjtu jiġifieri, hu dak li hu wkoll u allura wieħed biex jaqla’ flus tajba jrid jibbilanċja l-affarijiet.”

Għal Vince Parnis mill-Koperattiva Produtturi tal-Ħalib, dawn l-isfidi qed inaffru liż-żgħażagħ milli jkomplu fl-irziezet.

“Flus ħerġin, li dejjem trid ittejjeb u timmondernizza l-makkinarju tiegħek u fl-istess ħin anki t-tfal tiegħek jiġu fid-diffikultà jekk ikomplux f’dan is-settur jew imorrux f’settur ieħor.”

F’seminar mar-raħħala bil-baqar, is-Segretarju Parlamentari għall-Agrikoltura, Clint Camilleri, qal li l-proġett pilota se jkun estiż mar-raħħala li jipproduċu l-ħalib min-nagħaġ u l-mogħoż u fis-settur tal-majjal. Il-Perit Camilleri qal li dan is-settur se jkompli jibbenefika minn fondi Ewropej, li fuq medda ta’ 7 snin, ilaħħqu €14-il miljun.

Aħbarijiet Oħra
Politika

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia ppreżenta 15-il proposta, u qal li qatt ma basar li wara 25 sena ta’ Gvern Nazzjonalista seta’ jiġi xi ħadd u jimmanipula l-istituzzjonijiet b’dan il-mod. F’kummenti…

Saħħa

Il-ħajt għoli tal-Isptar Mater Dei ma qatax qalb tal-10 membri tal-iscouts tal-Mosta u tifla ta’ sitt snin li xxabbtu miegħu f’attività tal-abseiling li ġiet organizzata biex tagħti sorpriża lit-tfal morda…

Kisbiet

Iċ-Chairperson tal-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà, Oliver Scicluna, u l-kumpanija Camilleri & Cuschieri Consulting Engineers, huma r-rebbieħa tal-Premju Monsinjur Mikiel Azzopardi għal din is-sena. Ir-rebbieħa tħabbru minn Fr Martin Micallef, Direttur…

Kronaka

Żewġ persuni ttieħdu l-Isptar Mater Dei, u oħrajn il-policlinic ta’ Ħal Kirkop, wara li għall-ħabta tat-tlieta ta’ wara nofsinhar, seħħet ħabta bejn ħames karozzi f’Ħal Luqa. Karozza tat-tip Ford Escort…

Aktar