Ekonomija u Finanzi
Ir-rata tal-PDG ta’ Malta tinżel b’0.5%

Ċifri ppubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika llum juru li l-Prodott Domestiku Gross fl-ewwel tliet xhur tas-sena jiskorri €3,251 miljun, tnaqqis ta’ kważi €18-il miljun fuq l-istess tliet xhur tas-sena l-oħra.

B’hekk ir-rata tal-Prodott Domestiku Gross niżlet b’0.5 fil-mija fuq Jannar sa Marzu sena ilu. Iċ-ċifri tal-NSO juru li l-qasam tas-servizzi, l-industrija u l-kostruzzjoni naqsu bejn 0.4 u 1.6 fil-mija, filwaqt li l-oqsma tal-agrikoltura u s-sajd żiedu l-attività produttiva tagħhom b’4 fil-mija. It-tnaqqis fil-qasam tas-servizzi kien dovut l-iktar għall-akkomodazzjoni u l-istabbilimenti tal-ikel, kif ukoll it-trasport.

Iċ-ċifri juru wkoll li d-defiċit tal-gvern – id-differenza bejn id-dħul u l-infiq sal-aħħar t’April, ammonta għal €613.7 miljun. Bejn Jannar u April id-dħul tal-gvern ammonta għal ftit iktar minn €1,368 miljun filwaqt li n-nefqa kienet ta’ kwazi €1,982 miljun. Id-dejn tal-gvern sal-aħħar t’April huwa ta’ kważi €7,358 miljun.