Agrikultura
Ir-razzett ma jpartu ma’ xejn, ħidma sfieqa biex f’Ottubru jibda l-ġbejniet

Fil-qalba ta’ għadd ta’ rziezet il-ġmiel tagħhom fil-limiti ta’ San Pawl il-Baħar Eric Vella jrabbi n-nagħaġ. Ta’ 12-il sena, Eric kien diġà jrabbi l-bhejjem u minkejja li l-linja li għażel mhux dejjem ward u żahar daħal għax-xogħol tar-raba’ b’ruħu u b’ġismu.

Fir-razzett tal-familja fl-Imbordin lil Eric jagħtuh daqqa t’id martu, ħuħ, missieru u z-zijiet. Flimkien, jiġbdu ħabel wieħed bil-għan li f’Ottubru jibdew jagħmlu l-ġbejniet, lussu kulinarju fi ħdan il-kċina Maltija.

F’kummenti lil tvm.com.mt Eric spjega li minkejja l-qilla tax-xemx li taħkem ġmielu ‘l-gżejjer Maltin fl-eqqel t’Awwissu bħalissa qed jeħleb in-nagħaġ. Qal, li fl-aħħar tax-xahar lin-nagħaġ iħallilhom il-ħrief magħhom għal madwar xahar qabel ma tibda l-produzzjoni tal-ġbejniet f’Ottubru. Produzzjoni, li din is-sena Eric se jkun jista’ jagħmilha bil-kumdità kollha r-razzett stess hekk kif spjegalna li fl-aħħar jiem ħariġlu l-permess biex jarma fuq il-modern skont il-bżonn.

Mistoqsi jekk il-kompetizzjoni ta’ barra tbeżżgħux, Eric sostna li fil-fehma tiegħu ebda prodott fid-dinja ma jħabbatha ma’ dak frisk li jikber fi xtutna. Spjega, li fil-gżejjer Maltin kollox jikber f’ħinu u f’waqtu skont l-istaġun tiegħu u li dan ikattar it-tjubija tal-prodott lokali bil-bosta.

Ir-raħħala u l-bdiewa żgħażagħ fil-filmat qed jiġu miġjuba lilkom b’kollaborazzjoni mal-Malta Youth in Agriculture Foundation.