Lokali
Ir-reazzjoni tal-PN u tal-PL għal dak irrappurtat minn The Daphne Project

Ir-reazzjoni tal-Partit Nazzjonalista

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li l-Oppożizzjoni se tibqa’ tagħmel il-mistoqsijiet li n-nies qed jistaqsu u li għalihom qed jistennew li jingħataw risposta dwar dawn l-aħħar żviluppi.

F’konferenza tal-ahbarijiet fil-Parlament ilbieraħ filgħaxija Dr Delia staqsa jekk il-Prim Ministru kienx jaf b’din l-allegazzjoni, jekk hux minnu kif allegat li l-Ministru Chris Cardona tkellem mal-aħwa Degiorgio qabel u wara li nqatlet Caruana Galizia. Huwa qal li filwaqt li l-Gvern qed idaħħal kultura tas-skiet, il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jistaqsi sakemm issir il-ġustizzja.

Dr Delia qal li l-Oppożizzjoni ilha tagħmel mistoqsijiet u l-Gvern minflok iwieġeb jipprova jaljena lin-nies bi proposti bħal dawk li sejjaħ il-qtil tal-embrijuni. Żied jgħid li l-Oppożizzjoni mhux se tispekula jew tiġri lejn konklużjonijiet imma trid tibqa’ ssaqsi għaliex il-Gvern ma għamilx stqarrija ministerjali biex jiċċara allegazzjonijiet hekk serji.

Meta wieġeb għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti, Dr Delia wera l-fehma li l-Prim Ministru għandu jissottomotti l-laptop u s-server tiegħu għall-investigazzjoni dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Qal dan wara li iben Daphne Matthew allega li server tal-Prim Minisru seta intuża biex ikun ippjanat il-qtil t’ommu. Mistoqsi jekk persuni jew xi ħadd mill-grupp parlamentari tiegħu qattx kellem lil xi wieħed mill-akkużati, Dr Delia wieġeb li ma jafx.

Ir-reazzjoni tal-Partit Laburista

Il-Partit Laburista b’reazzjoni qal li Dr Delia, li dwaru Daphne Caruana Galizia u familtha għamlu diversi allegazzjonijiet, kien imġiegħel jitkellem biex ma jkomplix jurta lil dawk fil-Partit Nazzjonalista li ma jirrikonoxxuhx bħala l-Kap tagħhom. Żied jgħid li Dr Delia għandu x’jispjega fuq l-allegazzjonijiet li saru fil-konfront tiegħu dwar prostituzzjoni, droga u ħasil ta’ flus.

Żied jgħid li jekk xi ħadd għandu xi tagħrif imur bih għand l-investigaturi li bl-ikbar serjetà waslu biex hemm tliet persuni akkużati l-Qorti. Qal li l-ġustizzja ma ssirx bl-ispekulazzjoni u b’sens ta’ vendikazzjoni ta’ wħud.