Kurżitajiet
FILMAT: Tneħħilha l-kuruna minn fuq rasha wara li ġiet inkurunata Mrs Sri Lanka

Ir-rebbieħa tal-ikbar kuntest ta’ sbuħija fi Sri Lanka ġarrbet ġrieħi f’rasha wara ġlieda li nqalgħet fuq il-palk.

Pushipika De Silva rebħet it-titlu ta’ “Mrs Sri Lanka” waqt ċerimonja li xxandret fuq l-istazzjon nazzjonali tal-pajjiż il-Ħadd li għadda.

L-inċident seħħ ftit wara li De Silva ġiet iddikjarata rebbieħa ta’ dan il-kuntest.

Kien hawn li r-rebbieħa tal-2019, Caroline Jurie, ħatfitilha l-kuruna u bdiet issostni li De Silva ma tistax tingħata dan it-titlu għax hija mara ddivorzjata.

Hija qalet li r-regoli tal-kuntest jistipulaw li nisa ddivorzjati ma jistgħux jieħdu sehem fil-kuntest u għalhekk ħadet passi biex il-kuruna tingħata lit-tfajla li ġiet fit-tieni post.

Fil-fatt hija libbset il-kuruna lill-kontestanta li ġiet fit-tieni post.

Il-premju ngħata lura lil De Silva wara li l-orgranizzaturi kkonfermaw li r-rebbieħa kienet isseparata. F’post fuq Facebook, is-Sinjura De Silva qalet li kellha tmur l-isptar biex tingħata kura għall-ġrieħi li sofriet f’rasha.

Hija żiedet tgħid li se tieħu azzjoni legali għall-mod kif ġiet trattata.

Id-direttur nazzjonali ta’ Mrs Sri Lanka World, Chandimal Jayasinghe, qal lil BBC li l-kuruna se tingħata lura lil De Silva t-Tlieta.

Huwa qal li jinsabu ddiżappuntati u mbarazzati ħafna b’dak li ġara.

Mrs Sri Lanka World huwa kuntest ewlieni fil-pajjiż tant li mart il-prim ministru ta’ Sri Lanka kienet fost il-mistiedna għal din iċ-ċerimonja.