Settur Marittimu
Ir-Reġistru Marittimu Malti mal-aqwa 20 fil-lista l-bajda tal-ftehim ta’ Pariġi

Ir-reġistru marittimu Malti hu l-akbar fl-Ewropa u sitt l-akbar fid-dinja. Il-Ministru għat-Trasport, Ian Borg, qal li fl-aħħar xhur ir-reġistru kompla jsaħħaħ il-kwalità u r-reputazzjoni tant li għall-ewwel darba jinsab mal-aqwa 20 reġistru fil-lista l-bajda tal-ftehim ta’ Pariġi, li fih il-portijiet kollha.

Il-flotta ta’ bastimenti li jtajru l-bandiera Maltija tvarja mill-akbar u l-aktar cruise liners moderni għal vapuri li jġorru riggijiet taż-żejt, vapuri tal-merkanzija u super yachts ta’ aktar minn 24 metru. Il-Ministru għat-Trasport, Ian Borg, qal li fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena ġew reġistrati aktar minn 30 super yacht biex b’hekk din il-kategorija qabżet it-830 fuq ir-reġistru.

Il-Ministru Borg qal li għall-ewwel darba fl-istorja, ir-Reġistru Malti tal-Bastimenti kkwalifika mal-aqwa 20 reġistru fil-lista l-bajda tal-ftehim ta’ Pariġi, li jinkludi l-portijiet kollha. Irrimarka li Malta kklassifikat fis-17-il post fil-lista li turi l-wirja teknika tal-flotta rreġistrata taħt il-bandiera u l-konformità ma’ konvenzjonijiet internazzjonali ta’ sigurtà, prevenzjoni ta’ tniġġis u kundizzjonijiet tax-xogħol tal-baħħara.

Fl-aħħar tliet snin saru aktar minn 4,600 spezzjoni fuq il-flotta li ttajjar il-bandiera Maltija, bi ftit aktar minn 100 vapur inżammu minħabba xi nuqqasijiet. Fi kliem il-Ministru dawn huma r-riżultati li jkomplu jattiraw il-fiduċja u l-investiment fir-reġistru Malti, li fl-aħħar seba’ snin rdoppja t-tunnellaġġ reġistrat. Qal li s-sena li għaddiet biss irreġistra żieda ta’ aktar minn 7% fuq l-2018, minkejja li l-industrija kienet għaddejja minn żminijiet diffiċli.

Il-Ministru qal li din l-industrija tiġġenera aktar minn 14% tal-Prodott Gross Domestiku u impjiegi ta’ valur miżjud.

Żied jgħid li fil-ġimgħat li ġejin, id-Direttorat tal-Bastimenti Merkantili se jvara żewġ proġetti diġitali, filwaqt li b’investiment ta’ kwart ta’ miljun ewro minn fondi Ewropej, l-awtorità qed timplimenta proġett pilota għall-implimentazzjoni ta’ sistema ta’ arkivji diġitali f’dan id-direttorat.

F’aktar żaviluppi f’dan il-qasam, il-Ministru Borg rrefera għall-aħbar li l-kumpanija MSC Cruises issa għandha ħamsin fil-mija tal-ishma fit-tarzna ta’ Palumbo. Il-kumpanija qalet li se tuża t-tarzna biex tagħmel xogħlijiet għall-MSC Cruises u MSC Group Cargo.