Lokali
“Ir-relazzjoni bejn Malta u l-Italja hija mill-aqwa” – Sergio Mattarella fi tmiem laqgħa mal-President Vella

Il-President George Vella stqarr li jara li uħud mit-temi li trattat il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, fid-diskors State of the Union ilbieraħ ikunu fuq l-aġenda tal-laqgħa tal-Arraiolos li se ssir f’Malta s-sena d-dieħla. Dr Vella kien qed jitkellem ma’ Television Malta wara laqgħa li kellu dalgħodu f’Ruma mal-President Taljan, Sergio Mattarella, li fi tmiemha ddeskriva r-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi bħala mill-aqwa. Fil-laqgħa bejn iż-żewġ presidenti, diskussi wkoll temi li jolqtu ‘l-Mediterran b’mod speċjali l-qagħda fil-Libja.

L-impenji tal-President George Vella f’Ruma ssuktaw il-Ħamis filgħodu b’laqgħa mal-President Taljan, Sergio Mattarella. Dr Vella sellem lill-President Mattarella li fil-bidu tas-sena d-dieħla se jtemm il-Presidenza u rringrazzjah tax-xogħol li wettaq meta l-Erbgħa mexxa l-laqgħa tal-Arraiolos li hija laqgħa informali ta’ 15-il president mhux eżekuttiv minn stati membri tal-Unjoni Ewropea.

Il-President George Vella qal li fil-laqgħa mal-President Mattarella ġew diskussi wkoll temi li qajmet il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, fid-diskors State of the Union.

“Ridt nitkellem miegħu dwar temi li ġew imqanqlin matul il-konferenza, iktar u iktar fil-background li lbierah kien hemm State of the Union ta’ Von der Leyen li miss ħafna suggetti li tkellimna fuqhom ilbieraħ. Kien diskors ta’ min wieħed jistudjah u jixtarru, qabel li għandna nirriflettu ħafna fuqu u anke jien għedtlu li probabilment uħud mit-temi jkunu fil-konferenza tal-Arraiolos li se nżommu s-sena d-dieħla.”

Iż-żewġ kapi ta’ stat trattaw ukoll l-irwol li għandhom Malta u l-Italja biex iqajmu aktar kuxjenza dwar dak li jolqot lill-Mediterran.

“Tkellimna wkoll fuq il-bżonn li nqajmu iktar kuxjenza dwar il-Mediterran u s-Southern neighbourhood fl-UE ghax qbilna li m’hemmx dik il-kuxjenza li wieħed jistħoqqlu li jkollu u dan se jkun xogħol li wiehed irid jagħmel iktar ‘il quddiem.”

Fuq l-aġenda tal-laqgħa bejn il-Presidenti Vella u Mattarella l-qagħda fil-Libja. Huma nnutaw li kif jidhru l-affarijiet bħalissa hemm aktar stabilità u anqas ġlied. Esprimew it-tama li l-elezzjonijiet fil-Libja jsiru kif pjanat fl-24 ta’ Diċembru biex jissokta l-proċess ta’ rikostruzzjoni tal-pajjiż.