Immigrazzjoni
‘Ir-relazzjonijiet bejn Malta u l-Libja skansaw li jaslu iżjed minn 8,000 immigrant’

Il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Evarist Bartolo qal li kieku Malta ma bnietx relazzjonijiet ġodda mal-Libja, minn Marzu ‘l hawn kienu jaslu Malta iżjed minn 8,000 immigrant. F’kummenti ma’ TVM il-Ministru Bartolo qal li b’hekk din is-sena s’issa waslu Malta inqas min-nofs tas-sena li għaddiet.

Il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Evarist Bartolo qal li bejn Marzu u Awwissu ta’ din is-sena f’Malta waslu 1,173 immigrant irregolari, li jfisser in-nofs ta’ dak li daħlu f’Malta fl-istess perjodu s-sena ta’ qabel. Fuq il-midja soċjali, il-Ministru Bartolo spjega kif minn Marzu sal-lum l-awtoritajiet Libjani ma ħallewx ibaħħru lejn Malta iżjed minn 6,000 immigrant din is-sena. F’kummenti ma’ TVM il-Ministru Bartolo qal li dan it-tnaqqis huwa riżultat tar-relazzjoni li rnexxielu jibni l-Gvern mal-Libja fix-xhur li għaddew għax kieku kienu jaslu Malta mat-8,000 immigrant.

“Jekk wieħed jara fl-ewwel xahrejn ta’ din is-sena meta ssoltu l-inqas li jaslu ħabba l-maltemp, kienu diġa waslu ħafna meta mqabbla mas-snin ta’ qabel u konna inkwetati ħafna… ċertament pajjiżna ma jiflaħx għal dawk in-numri u allura għamilna kuntatt mal-Libjani li jinsabu f’sitwazzjoni diffiċli ħafna speċjalment dak iż-żmien għax l-attakk fuq Tripli kien għadu għaddej.”

Il-Ministru Evarist Bartolo qal li l-ikbar żieda ta’ traġitti bl-immigranti din is-sena qed tkun mil-Libja u t-Tuneżija. Qal li minn din ir-rotta taċ-ċentru tal-Mediterran lejn Malta u l-Italja, għaddew diġà 20,600 din is-sena, li jifisser tliet darbiet iżjed milli għaddew is-sena li għaddiet. Kompla jgħid li waqt li din is-sena telqu t-triplu tas-sena l-oħra, waslu Malta inqas min-nofs tas-sena li għaddiet. Qal li Malta qed taħdem biex tiftaħ konsolat u anke ambaxxata fil-Libja.

Il-Ministru Bartolo kompla jgħid li l-pajjiż ma jistax iħalli lill-immigranti jaslu u wara jipprova jħajjar lill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea jeħduhom. Ġab l-eżempju tal-vapur Daniż Maersk b’27 immigrant fuqu miġburin mill-baħar Tuneżin. Qal li l-Ministru Daniż qallu li għalihom 27 huma ħafna, bil-Ministru Bartolo jwieġeb li allura għal Malta huma ferm iktar. Qal li bejn l-2005 u l-2020 il-pajjiżi l-oħra tal-Unjoni Ewropea ħadu biss 8 minn kull 100 li waslu Malta.

Sostna li t-triq ‘il quddiem għall-Gvern hi li kemm jista’ jkun jara l-ewwel li ma jiġux l-immigranti u dan billi bħala pajjiż fl-Unjoni Ewropea Malta tgħin lil-Libja tħares il-fruntieri tagħha mal-Afrika fis-Sahara u mal-Ewropa fil-Mediterran; filwaqt li ssir ġlieda fil-konfront tat-traffikanti, u jinfetħu ċentri apposta fl-Afrika fejn l-immigranti jiġu stmati tajjeb u japplikaw għall-kenn politiku.