Barranin
Ir-Renju Unit irreġistra 1,564 mewt ta’ persuni bil-Covid-19 – rekord ta’ mwiet f’ġurnata

Madwar id-dinja komplew il-kampanji ta’ tilqim u ta’ ttestjar tal-massa f’diversi pajjiżi madwar id-dinja. Intant, fir-Renju Unit llum beda jilqa’ l-pazjenti l-Isptar ta’ emerġenza Nightingale u ġie rreġistrat rekord ta’ mwiet mill-Covid-19.

Ir-Renju Unit irreġistra 1,564 mewt ta’ persuni bil-Covid-19 – rekord ta’ mwiet f’ġurnata mill-bidu tal-pandemija ‘l hawn. Id-direttur mediku tas-Saħħa Pubblika Ingliża, Yvonne Doyle, qalet li l-imwiet fit-tieni mewġa huwa ogħla mill-imwiet fl-ewwel mewġa.

B’kollox fir-Renju Unit mietu aktar minn 84,700 persuna waqt li kienu pożittivi bil-COVID-19.

Intant għall-ewwel darba, beda jirċievi pazjenti morda bil-Covid, l-isptar Nightingale f’Londra, li nbena apposta għall-pandemija. Aktar minn tliet tmiljun persuna mardu bil-Covid fir-Renju Unit u b’aktar minn 30,000 pazjent fl-isptarijiet għall-kura, is-sistema tinsab taħt pressjoni kbira ħafna. Il-Ministru għas-Saħħa Ingliż Matt Hancock qal li l-Gvern qed jikkunsidra juża l-lukandi.

“This would be for step-down patients who have been in hospital and no longer need full hospital treatment but aren’t quite ready to go home.”

Fl-Ingilterra bdew il-provi kliniċi ta’ mediċina ġdida għat-trattament tal-Covid-19. Il-mediċina l-ġdida li qed tiġi ttestjata f’Hull Royal Infirmary, tinġibed man-nifs għal ġol-pulmun. Provi preliminari li saru f’Southampton jindikaw, li din il-mediċina l-ġdida tnaqqas is-severità tal-marda fil-pazjenti u għalhekk jonqos ir-riskju tal-mewt.

Iċ-Ċina rreġistrat l-ogħla każi ġodda ta’ Covid-19 mit-30 ta’ Lulju ‘l hawn minkejja li hemm imposti lockdowns f’diversi bliet. L-awtoritajiet tas-saħħa rrapportaw 115-il każ ġdid f’ġurnata, l-maġġoranza qrib il-kapitali Beijing. 107 mill-każijiet ġodda kienu trażmessi fil-komunità.

Il-Ġappun estenda l-istat ta’ emerġenza f’aktar distretti f’Tokyo sas-7 ta’ Frar, minħabba żieda fil-każi ġodda ta’ Covid-19. Il-Gvern Ġappuniż qed jipprova jwaqqaf it-trasmiżjoni fil-ħwienet tax-xorb u r-ristoranti filwaqt li qed iħeġġeġ lin-nies biex jibqgħu d-dar.

Madwar id-dinja, baqgħu għaddejjin il-kampanji ta’ tilqim inkluż fil-Vatikan fejn hu rrapportat li l-Papa Franġisku ħa l-ewwel doża tat-tilqima.

L-Indoneżja ukoll bdiet tlaqqam il-popolazzjoni kontra l-Covid-19 iżda l-pajjiż mhux se jlaqqam lill-anzjani fl-ewwel fażi. Wara l-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa, l-Indoneżja se tlaqqam n-nies għandhom bejn 18 u 59 sena. L-argument wara din l-istrateġija hi li jagħmel aktar sens li l-ewwel jitlaqqmu n-nies li jaħdmu għax dan jagħti ċans aħjar biex il-pajjiż jilħaq herd immunity.