COVID-19
Ir-Renju Unit l-ewwel pajjiż li approva l-vaċċin Pfizer/BioNTech

Ir-Renju Unit approva l-vaċċin Pfizer/BioNTech biex jibda jittieħed mill-pubbliku, u sar l-ewwel pajjiż fid-dinja li approva dan il-vaċċin li juża kunċett ġdid.

Ir-regolatur tar-Renju Unit, l- MHRA, qal li din it-tilqima toffri protezzjoni ta’ 95% kontra l-marda tal-Covid-19, u se tkun tista’ tibda tittieħed mill-ġimgħa d-dieħla.

Il-pajjiż ordna 40 miljun doża biex ikun jista’ jlaqqam 20 miljun persuna, peress li t-tilqima tingħata f’darbtejn.

Il-vaċċin Pfizer/BioNTech huwa tip ġdid magħruf bħala mRNA, li juża parti żgħira mill-kodiċi ġenetika tal-virus biex jinstiga lill-ġisem jibni l-immunità kontrih.

Din hija l-ewwel darba li dan it-tip ta’ vaċċin ġie approvat għall-użu fuq il-bnedmin, u s’issa kien intuża biss fuq il-bnedmin waqt testijiet kliniċi.