Barranin
Ir-Renju Unit mhux se jkun qed iżid pajjiżi fil-lista l-ħadra għalissa

Għalissa, ir-Renju Unit mhux se jkun qed iżid il-pajjiżi fil-lista l-ħadra, il-lista ta’ pajjiżi li meta jżuruhom it-turisti Ingliżi ma jridux jagħmlu kwarantina

Dan qalu lbieraħ il-Prim Ministru Boris Johnson waqt li kien qed jitkellem fuq il-kontroll tal-imxija f’pajjiżu.

Huwa qal li wieħed ma jistax jistenna li se jkun qed iżid fil-lista l-ħadra f’qasir żmien.

Fis-7 ta’ Mejju Malta kienet tħalliet barra mil-lista l-ħadra. Il-lista ta’ 12-il pajjiż tinkludi, minflok, il-Portugall, Ġibiltà, Iżrael, Singapore, l-Awstralja, New Zealand, Brunej, l-Iżlanda, il-Gżejjer Falkland, il-Gżejjer Faeroe, il-Georgia tan-Nofsinhar u l-Gżejjer Sandwich tan-Nofsinhar, Saint Helena, Ascension u Tristan da Cunha.

F’reazzjoni għal dan l-MHRA kienet qalet li tinsab sorpriża kif Malta ma għamlithiex mal-lista l-ħadra u minflok kienet inkluża fil-lista oranġjo ta’ pajjiżi b’riskju medju.

Intant aktar kmieni l-awtoritajiet tal-Olanda ħabbru li Malta m’għadhiex żona ta’ riskju għall-Covid-19. 

Matul l-aħħar sebat ijiem, il-Ġermanja wkoll stqarret li Malta m’għadhiex żona ta’ riskju għall-Covid-19 u lbieraħ anki d-Danimarka ħabbret li d-Daniżi jistgħu jżuruna mingħajr ma jkollhom bżonn jagħmlu kwarantina.