Kunsilli Lokali
Ir-residenti fil-qalba tal-viżjoni tal-Kunsilli Lokali għall-erba’ snin li ġejjin

Is-Sindki ltaqgħu madwar mejda biex jiddiskutu l-viżjoni tagħhom għall-erba’ snin li ġejjin. Matul il-laqgħa, diversi sindki qajmu kwistjonijiet li qed jiffaċċjaw li qalu qed ixekkluhom milli jħarsu fit-tul.

Il-viżjoni, li għandha twassal sal-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali li jmiss, taħseb biex ir-residenti jħossuhom parti mhux biss mil-lokalità imma anke mill-Kunsill taghhom.

Ir-residenti huma fiċ-ċentru tal-viżjoni li l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali qed tipproponi għall-erba’ snin li ġejjin. Il-President tal-Assoċjazzjoni Mario Fava spjega li l-viżjoni twassal sal-2024, meta se jsiru l-elezzjonijiet li jmiss, hi bbażata fuq erba’ pilastri ewlenin.

“Għandek it-trasport u l-mobilità sostennibli fil-lokalitajiet; open spaces – spazji miftuħa fejn wieħed jista’ jirrikrea ruħu anke jiltaqa’ b’mod soċjali; għandek ukoll smart cities li jkollok ċerta teknoloġija li titħaddem fil-lokalitajiet b’mod li tagħti għarfien aħjar ta’ x’inhu għaddej fil-lokalità u anke fil-pajjiż fuq bażi nazzjonali u naturalment ukoll għandek l-ambjent urban.”

Is-Sur Fava spjega kif din il-viżjoni, li tnediet f’Ottubru li għadda, hija l-istess għal kull lokalità, fl-istess waqt li tirrispetta l-identità u l-ħtiġijiet ta’ kull waħda minnhom.

Din il-viżjoni ġiet diskussa mis-Sindki kollha ta’ Malta u Għawdew li ltaqgħu fil-preżenza ta’ rappreżentanti ta’ għaqdiet mhux governattivi u entitajiet governattivi bl-iskop li meta jiġu biex jittieħdu d-deċiżjonijiet jittieħdu fl-aħjar interess tar-residenti.

Fil-laqgħa għadd ta’ sindki lmentaw li qed jaħlu ħafna ħin jipprovaw isolvu l-problemi li jinqalgħu ta’ kuljum. Fosthom is-Sindku ta’ Ħ’Attard li qal li qabel jitkellmu fuq viżjoni jridu jsolvu affarijiet bażiċi għax fi kliemu l-Kunsilli mhumiex stmati u tliet kwarti tal-entitajiet jiġu jaqgħu u jqumu mill-ħtiġijiet tan-nies.

Is-Sindku tal-Qala semma kif il-Kunsill qed joħroġ flejjes kbar biex jikkontesta applikazzjonijiet ta’ żvilupp fil-lokalità. Is-Sindki ta’ San Ġiljan u ta’ Ta’ Xbiex ssuġġerew li għandu jkun hemm is-Sindku jew rappreżentant tal-lokalità fil-bord tal-Awtorità tal-Ippjanar meta tkun se tittieħed deċiżjoni dwar xi żvilupp. Sindki oħra lmentaw li lanqas biss jiġu konsultati fuq proġetti infrastrutturali fil-lokalità tagħhom.

Konxju mill-frustrazzjoni li jħossu s-Sindki u l-Kunsillieri, s-Sur Fava sostna li l-viżjoni taghti kaz dan ukoll.

“Iktar mill-Kunsill Lokali ħadd ma jaf il-bżonn partikolari ta’ dak il-lokal u allura jridu jkunu mismugħa jridu jkunu konsultati u jridu jkunu wkoll parti mid-deċiżjonijiet li jittieħdu għax ħafna drabi li tkun konsultat mhux biżejjed imma importanti li tkun konsultat u tkun parti minn dik id-deċiżjoni fosthom pereżempju fejn jidħlu ċertu permessi tal-Awtorità tal-Ippjanar, fejn jidħol ċertu l-immaniġġjar tal-waste u diversi partikolarment imma f’dawk l-affarijiet li l-iktar jolqtu liċ-ċittadin.”

Il-Ministru għall-Gvern Lokali Josè Herrera għaraf din il-frustrazzjoni. Qal li l-Kunsilli għandu jkollhom vuċi aktar b’saħħitha mal-entitajiet regolatorji. Il-Ministru qal li qed jaħdem fuq dokument dwar kif il-Kunsilli jiġġeneraw il-flus b’mod awtonomu. Huwa ddeskriva lill-Kunsilli bħala r-raba’ pillastru tal-governenza tal-pajjiż.

Aħbarijiet Oħra
COVID-19

81 persuna ġew immultati llum wara li nqabdu fi gruppi t’aktar minn 3 persuni. B’kollox il-multi ammontaw għal €8,100 f’inqas minn 24 siegħa. Dawn il-miżuri ttieħdu mill-Gvern biex tiġi kkontrollata…

COVID-19

Kwarantina obbligatorja b’effett immedjat fiċ-ċentru miftuħ f’Ħal Far fejn jgħixu madwar elf resident. Ħabbar dan id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne f’konferenza tal-aħbarijiet il-Ħadd filgħaxija. Il-Ministru Fearne qal li…

COVID-19

Wara li d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne u l-Ministru għall-Intern Byron Camilleri ħabbru li r-residenti taċ-ċentru miftuħ f’Ħal Far jinsabu fi kwarantina, huma ressqu appell għal min…

COVID-19

Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li tliet pazjenti oħra fiequ mill-COVID-19. Dan ifisser li s’issa fiequ 5 persuni. Huwa ħabbar dan waqt konferenza tal-aħbarijiet. Aktar dettalji fil-ħin li ġej.  

Aktar