Pulizija
Ir-residenti laqgħuhom u jqisuhom ta’ ġewwa – il-pulizija tal-komunità fil-Mellieħa

Fl-aħħar xahrejn, l-uċuħ ta’ erba’ Pulizija saru familjari mal-komunità tal-Mellieħa. Ir-residenti laqgħuhom u jqisuhom “ta’ ġewwa”. Dawn l-erba’ uffiċċjali jiffurmaw l-ewwel Community Policing Team fi proġett pilota mniedi mill-Korp.

Intervistat minn TVM, il-Kap Eżekuttiv tal-Pulizija, Angelo Gafà, ta l-kelma li bir-riżultati miksuba s’issa fil-Mellieħa dan il-proġett se jibqa’ għaddej f’din il-lokalità u s-sena d-dieħla se jinfirex f’lokalitajiet oħra.

Il-preżenza tal-Pulizija fil-lokalitajiet ilha sa mit-twelid tal-Korp, aktar minn 200 sena. Meta fis-sajf ġie introdott il-community policing fil-Mellieħa, bosta staqsew x’hemm ġdid fih u jekk dan hux sempliċiment isem ieħor għall-Pulizija fl-għassa tal-lokal. Il-Kap Eżekuttiv tal-Pulizija, Angelo Gafà, spjega li dan il-kunċett jara lill-Pulizija eqreb tan-nies u l-prioritajiet tal-komunità.

”Jekk se mmorru nagħmlu patrolling, dan mhux ser isir in a random way, fettilli jien immur dik it-triq illum. Qed isir għaliex wara dak il-patrol hemm ħsieb, hemm dan il-problem oriented policing. Fl-aħħar mill-aħħar il-community policing huwa partnership mal-komunità.”

Immexxi minn Surġent, it-tim tal-Pulizija tal-Komunità fil-Mellieħa għandu tliet kuntistabbli b’kull wieħed għandu f’idejh żona u r-residenti għandhom anke n-numru tal-mobile u l-email tagħhom.

“Ir-resident jaf li aħna ngħaddu minn ħdejh, jaf min hu l-Pulizija tiegħu, ikellmu, ġieli anke nsibu nies jistennewna filgħodu jew wara nofsinhar għax jafu li l-Pulizija jkun għaddej minn din it-triq biex jgħidlu “il-waranofsinhar it-tajjeb”, “Bonġu”.”

Is-Surġent Gabria Gatt qalet li f’xahrejn dawn il-Pulizija għamlu aktar minn 500 siegħa ta’ ronda b’riġlejhom. Qalet li dan laqqagħhom ma’ ħafna sitwazzjonijiet; minn għajnuna lil anzjani bi problemi ta mobilità sa inizjattivi edukattivi fosthom biex tinqata’ drawwa ta’ xi nies li jħallu l-vettura miftuħa u weħdiha sakemm jinżlu jixtru jew jagħmlu xi qadja.

Minn dawn il-każi nnutaw ħamsin u mal-windscreen waħħlulhom avviż b’tagħrif għaliex m’għandhomx jibqgħu jagħmlu hekk u b’pariri kif jiġi evitat serq mill-vetturi. Is-Surġent spjegat li kien hemm każi li wasslu arresti fosthom minn Pulizija li qabad fil-fatt raġel jisraq minn ħanut, tressaq il-Qorti u nstab ħati.

B’differenza minn għassa li tintuża l-aktar biex isiru rapporti dwar reati, fil-Mellieħa l-Pulizija tal-Komunità huma bbażati f’uffiċċju provdut mill-Kunsill Lokali fejn jilqgħu n-nies u magħhom jiddiskutu kif jistgħu jtejbu l-ħajja tar-residenti. Madankollu, is-Surġent Gabria Gatt spjegat li għandhom aċċess għar-rapporti li jidħlu l-għassa tal-lokalità u minnhom jagħrfu jindirizzaw ħidmiethom dwar prevenzjoni tal-kriminalità, joffru appoġġ lill-vittmi ta’ reati u jaġixxu fuq rapporti komuni bħal inkwiet bejn ġirien.

“Inġibu lin-nies fl-uffiċċju tagħna, inkellmuhom u nippruvaw insibu kompromess biex dan il-ġlied ma jibqax isir. Jiġifieri li jkollna komunità aktar ferriħija.”

Is-Surġent Gatt tħoss li f’dan l-irwol hi milqugħa ħafna mill-komunità u tgawdi fiduċja akbar min-nies.

“Iva hemm ċerta fiduċja fina, li jiġu u jafu li se tasal fejn għandha tasal l-informazzjoni li jagħtuna.”

Il-Kap Eżekuttiv tal-Pulizija qal li sa nofs is-sena d-dieħla dak li beda fil-Mellieħa se jinfirex fi bnadi oħra. Is-Sur Gafà saħaq iżda li dak li qed isir fil-Mellieħa mhux bilfors se jiġi kkuppjat eżatt f’lokalitajiet oħra.

“Qed naraw il-possibilità li ngħaqqdu lokalitajiet biex tagħtina economies of scale. Ikollok project leader wieħed minflok tnejn. Għandek tim wieħed li qed jkopri żoni partikolari.”

Għall-introduzzjoni tal-Pulizija tal-Komunità, il-Korp tal-Pulizija għandu konsulenza minn eks ufiċċjal tal-Pulizija Ingliż li ħadem f’dan il-qasam għal aktar minn 30 sena.

Aħbarijiet Oħra
Politika

F’rapport li ppubblika f’Lulju li għadda wara talba mid-Deputat Godfrey Farrugia, il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, Dr George Hyzler ddeskriva li l-prattika li l-membri parlamentari jkunu impjegati jew konsulenti tal-Gvern bhala…

Sajd

Il-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Mediterran qablet li tintervjeni biex tipproteġi s-sajjieda Maltin li jispiċċaw maqbuda f’argumenti ma’ sajjieda oħra barranin dwar it-territorju tas-sajd. Dan wara qbil unanimu fl-aħħar laqgħa tal-Kummissjoni. Bis-saħħa…

Aktar