Barranin
Ir-residenti ta’ gżira qrib Venezja qed jingħataw it-tilqima għall-Covid minn fuq il-baħar

Fiċ-ċentru tal-kapitali, Ruma, reġgħu tfaċċaw il-Pulizija jidderieġu t-traffiku minn fuq podju f’nofs ta’ triq. Nitbiegħdu mbagħad 120 kilometru ‘l bogħod minn Ruma, inżuru belt li tinsab f’riskju li tiġġarraf kawża tal-ħsara minn elementi naturali, U r-residenti ta’ gżira qrib Venezja qed jingħataw it-tilqima għall-covid minn fuq il-baħar.

F’Venezja, lanċa nbidlet f’ċentru minn fejn tingħata t-tilqima kontra l-coronavirus. Dan sar biex jintlaħqu r-residenti anzjani li jgħixu Venezja u fi gżira fil-qrib minħabba li kellhom problemi loġistiċi kbar biex jaslu f’ċentri oħra tat-tilqim. Madwar 100 anzjan li jgħixu fuq il-gżira żgħira ta’ Sant’Erasmo, fil-laguna ta’ Venezja bdew jingħataw it-tilqim ta’ Astrazeneca jew Moderna minn fuq il-lanċa.

Piazza Venezja fiċ-ċentru ta’ Ruma kienet ilha ma tara din ix-xena ta’ pulizija tidderieġi t-traffiku. Bilwieqfa fuq podju, din il-pulizija mit-taqsima tat-traffiku għenet biex f’wieħed mill-iktar partijiet tal-kapitali Taljana fejn jinġema traffiku, il-vetturi jimxu bla xkiel.

Mitt sena ilu, il-Pulizija f’Ruma kienu jġorru huma stess kaxxa tal-injam biex joqgħodu bilwieqfa fuqha. Illum il-podju jitla’ awtomatikament minn taħt il-pavimentar. Minkejja li fi Pjazza Venezja dan ilu aktar minn sena lest, ma setax jintuża minħabba xogħlijiet fit-toroq u għall-fatt li ma kienx hemm ħtieġa billi effett tal-pandemija t-traffiku naqas ħafna.

Il-Pulizija Cristina Corbucci stqarret li minn hawnhekk, fil-qadi ta’ dmirha tħossha qisha maestro tal-orkestra.

Spjegat li xift fuq il-podju jtul 30 minuta u mbagħad l-uffiċċjal jinbidel. Cristina Corbucci sostniet li ħafna sewwieqa nisa jniżżlu l-ħġieġa tat-tieqa tagħhom u jfaħħru xogħolha, waqt li qalet li ċertu rġiel għad għandhom problema b’nisa f’awtorità.

Din hija l-belt ta’ Civita di Bagnoregio fl-Italja, magħrufa bħala l-belt li qed tmut. Mibnija fuq għolja, Civita di Bagnoregio għandha 3,000 sena iżda tinsab fi stat instabbli għall-aħħar, bir-riskju li tiġġarraf. B’kawża ta’ terremoti u tifrik tal-blat, din il-belt spiċċat terz tad-daqs oriġinali. Is-Sindku tal-belt, Luca Profili, qal li Civita di Bagnregio hi mibnija fuq it-tafal u blat vulkaniku u għalhekk esposta ħafna għall-ħsarat li jiġu mill-elementi tan-natura, bħax-xita u r-riħ.

Civita di Bagnoregio llum hi wiesa’ biss 300 pied u tintlaħaq permezz ta’ pont. Din il-belt u l-wied ta’ madwarha huma kandidati biex isiru Sit ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO.