
B’effett mil-lum ir-restrizzjonijiet fuq l-attivitajiet tal-massa ġew estiżi għall-bars, il-klabbs u d-diskoteki.
Wara li aktar minn 40 każ attivi tal-COVID-19 f’Malta huma marbuta mal-mekka tad-divertiment f’Paceville, issa permezz tal-Avviż Legali 329,il-bars, il-klabbs u d-diskoteki huma suġġetti għall-istess regoli imposti fuq l-attivitajiet tal-massa.
Għaldaqstant, b’dawn ir-regoli ma jistax ikun hemm aktar minn 100 persuna ġewwa u 300 fuq barra. Fil-post għandu jkun hemm massimu ta’ persuna kull erba’ metri kwadri.
Dawk li jkunu ġol-klabbs jew bars ma jistgħux ikunu fi gruppi ta’ aktar minn 10 persuni u jridu jżommu distanza ta’ żewġ metri bejn xulxin. Min jikser dawn ir-regoli jeħel multa ta’ €3,000.
Ilbieraħ, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu qalet li f’ġimgħa 12-il stabbiliment instabu jiksru l-protokolli biex titrażżan l-imxija tal-COVID-19 u se tittieħed azzjoni legali kontrihom.
Ara wkoll: