Politika
“Ir-riforma li qed jipproponi l-Gvern tindirizza t-tielet mewġa ta’ femminiżmu” – Id-DPM

Il-Parlament kompli d-diskussjoni li tinsab fi stadju tat-tieni qari fuq abbozz ta’ liġi li jemenda l-kostituzzjoni, li permezz tagħha tassigura ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fil-Parlament.

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne qal li r-riforma li qed jipproponi l-Gvern tindirizza t-tielet mewġa ta’ femminiżmu fil-pajjiż, fejn qed issir diskriminazzjoni pożittiva favur in-nisa u li ssewwi defiċit storiku li ilu għaddej għexieren ta’ snin.

Qal li mil-lat professjonali l-mara f’Malta mxiet sew ‘il quddiem u issa wasal iż-żmien li n-nisa jkunu rappreżentati daqs l-irġiel fil-Parlament. Dr Fearne irrikonoxxa li l-liġi weħidha mhix biżżejjed għax jeħtieġ li tinbidel ukoll il-mentalità.

Huwa qal li emendi li qed ikunu proposti u li jolqtu l-liġi elettorali għandhom ikunu ippreżentati f’diskussjoni fuq tibdil f’din il-liġi u mhux it-tibdil kostituzzjonali.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li l-liġi weħdiha ma ssolvix il-problema biex il-mara tieħu sehem aktar fil-politika.

Il-Kap Nazzjonalista qal li l-Oppożizzjoni taqbel mal-liġi fil-prinċipju u kienet se tressaq emendi, fosthom li jiżguraw li nisa eletti b’dan il-mekkaniżmu jkunu jistgħu jiffurmaw parti mill-kabinett tal-ministri wara l-elezzjoni.

L-Avukat Grech qal li għandu jkun hemm iċ-ċans li l-mara tagħżel karriera politika billi tidħol is-sistema ta’ deputati full-time. Sostna li emendi oħrajn li se tressaq l-Oppożizzjoni jitrattaw sitwazzjonji fejn fil-Parlament ikun hemm rappreżentati minn aktar minn żewġ partiti.

Ara wkoll:

L-NCPE tilqa’ l-iżviluppi biex tiżdied l-ugwaljanza fl-isfera politika