Lokali
Ir-rigs li jinsabu f’Palumbo Shipyards se jitneħħew minn Malta

Ir-residenti tal-Kottonera se jieħdu r-ruħ meta sa tliet xhur oħra se jitneħħew ir-riggijiet li ilhom irmiġġjati għal numru ta’ snin fit-Tarzna. Wara diversi taħdidiet mas-sidien tagħhom, intlaħaq qbil li mhux biss se jitneħħew imma anke saħansitra se jitilqu minn Malta.

Se jitilqu minn Malta sal-aħħar ta’ April li ġej ir-riggijiet taż-żejt tat-Tarzna ta’ Palumbo li ilhom snin ikerrhu l-veduti tal-Port il-Kbir. Il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura, Ian Borg, qal li din id-deċiżjoni se tagħti nifs lir-residenti tal-Kottonera u l-madwar li matul iż-żmien bdew jaraw dan il-port jinbidel f’ċimiterju tal-bastimenti. Il-Ministru Borg stqarr li t-tneħħija tagħhom se tieħu diversi xhur.

“Li xi ħadd jitlaq bastiment jew strutturi hemmhekk għal numri ta’ snin u ma ssirx attività fuqhom u ħadd ma jkellmu, hekk le, u rrid ngħid li l-operaturi kollha qegħdin jikkoperaw biex dak li għandu jitneħħa, jitneħħa. Jekk hux l-oil rigs li kellek fil-Kottonera, jekk humiex id-dgħajjes li għandek mitluqin u mgħerrqin fuq in-naħa ta’ ġewwa tal-Marsa.”

Il-Harbour Master ta’ Transport Malta, il-Kaptan David Bugeja, qal li se jsir l-istess f’żoni oħrajn li nħakmu minn bastimenti abbandunati fosthom f’Ras Ħanżir u l-Menqa fil-Marsa. Il-Kaptan Bugeja qal li s-sidien ta’ dawn l-opri tal-baħar għandhom sa xahrejn biex jirtiraw l-bastimenti tagħhom.

“Min-naħa tagħna bħala Awtorità diġà neħħejna erba’ biċċiet u kien hemm biċċtejn oħra li neħħewhom l-operaturi. Fadal xi bċejjeċ oħrajn li qed naħdmu fuqhom. Għandna bastimenti li qed nantiċipaw li naslu fi ftehim mas-sidien tagħhom biex jagħmlu x-xogħol huma u qed naraw li hemm oħrajn li huma abbandunati u allura jkollna nneħħuhom aħna.”

Il-Kaptan Bugeja qal li din il-ħidma se sservi wkoll biex fost oħrajn ma ssirx ħsara fl-ambjent tal-baħar.