Lokali
Ir-riżultati ekonomiċi pożittivi se jħeġġu aktar lill-Gvern biex joħloq ix-xogħol – PM

Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat fl-intervent tal-Ħadd fuq One Radio, qal li r-rapport tal-IMF dwar Malta, ser ikun jista’ jħajjar aktar investiment li jġib ix-xogħol f’Malta. Wara d-dibattitu dwar Malta fil-Parlament Ewropew, Dr Muscat qal li l-maġġoranza silenzjuza taf tosserva waqt li s-sostna li l-poplu ma jridx l-istil negattiv tal-Oppożizzjoni.

Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat qal li l -maġġoranza silenzjuza qed tappoġġja lil Gvern għax tosserva kif il-Gvern meta jkollu sitwazzjoni diffiċli jaħdem għal aktar għaqda fil-pajjiż.

F’intervent fuq One Radio wara l-aħħar stħarriġ li wera aktar fiduċja minn qabel fil-Prim Ministru, Dr Muscat qal lil hinn minn dak li jgħidu l-gazzetti u l-kritika li instigata mill-Oppożizzjoni fil-Parlament Ewropew, għalih l-aktar importanti huwa dak li tħoss il-maġġoranza silenzjuża. Huwa qal li l-Oppożizzjoni għandha tifhem li l-poplu warrab l-istil negattiv tagħha.

Il-Prim Minisru qal li l-Gvern ser ikompli jaħdem biex joħloq aktar xogħol u li qed jieħu vantaġġ mir-riżultati ekonomiċi pożittivi li l-IMF ta lil Malta li qal li l-ekonomija Maltija ser tkompli tikber fost l-aktar fl-Ewropa. Qal li dan huwa inċentiv biex jinġieb aktar xogħol f’Malta. Dr Muscat qal li bir-riżultati ekonomiċi, l-pajjiż kien jiflaħ għal inizjattivi ġodda bħaċ-child care b’xejn li wassal biex Malta kważi laħqet pajjiżi Ewropej oħra fin-nisa li jaħdmu. Huwa qal li fis-summit soċjali tal-Unjoni Ewropea li ltaqa’ fl-Iżvezja, ħafna pajjiżi kienu impressjonati b’dan u staqsew iżjed dwaru.

Il-Prim Ministru semma kif għall-ewwel darba, il-Gvern qed jirregola u jagħti protezzjoni lil home workers li jingħataw xogħlijiet biex jaħdmu d-dar bl-imqieta. Qal li din ir-realtà kienet injorat għal ħafna snin u bir-regolamenti l-ġodda l-ħaddiem għandu d-drittijiet iktar imħarsa. Dwar il-liġi ġdida dwar il-midja, Dr Muscat qal li din qed issir bil-kunsens ta’ kulħadd u ser tagħti iżjed libertajiet. Huwa qal li kull kritika trid tittieħed f’kuntest speċjalment meta min jikkritika ma jkun għamel xejn f’25 sena fil-Gvern.