Turiżmu
Ir-riżultati fis-settur turistiku jinkoraġġixxu l-investiment u jkomplu jtejbu l-prodott – Tony Zahra

Il-President tal-Assoċjazzjoni tal-lukandi l-MHRA, Tony Zahra qal li r-riżultati fis-settur turistiku li reġgħu kienu rekord is-sena li għaddiet, għandhom jinkoragixxu iktar investiment biex il-prodott turistiku jkompli jitjieb ħalli t-turisti jkollhom l-aħjar valur għal flushom fis-settur tal-akkomodazzjoni. Is-Sur Zahra qal li għalkemm huwa ottimist għal din is-sena, stqarr li jistenna li din is-sena tiżdied il-kompetizzjoni minn destinazzjonijiet oħra fil-Mediterran li jistgħu joffru btajjel orħos minn Malta.

L-aħħar stħarriġ tal-Assoċjazzjoni għar-Ristoranti u l-Lukandi, l-MHRA, ikkonferma li s-sena li għaddiet kienet is-sitt waħda rekord għat-turiżmu bil-wasla ta’ kważi żewġ miljuni u sitt mitt elf turist. L-istħarriġ wera li matul is-sena żdiedu bi 12.5 fil-mija l-ammont ta’ iljieli u żdiedet in-nefqa tat-turisti li telgħet għal aktar minn żewġ biljun ewro.

It-tkabbir fl-ewwel disa’ xhur tas-sena kompla fl-aħħar kwart meta l-ammont ta’ turisti li wasslu Malta żdiedu b’9.8 fil-mija u l-ammont ta’ iljieli żdiedu bi 8.5 fil-mija. Iċ-ċifri tal-uffiċċju nazzjonali tal-istatistika juru li filwaqt li l-ammont ta’ ljieli f’lukandi fl-2018 żdiedu b’7.1 fil-mija, f’akkomodazzjoni privata żdiedu bi 19.7 fil-mija.

Il-President tal-MHRA Tony Zahra reġa’ lmenta li din ix-xejra turi li aktar turisti mhux joqgħodu fil-lukandi u possibilment qed joqgħodu f’postijiet mhux liċenzjati.

“In-numru ta’ żieda fl-arrivals aktar mar f’dak li ngħidulu non collective accomodation jiġifieri dawk il-units li mhumiex jew ma jkunux illiċenzjati, ma jkunux kif suppost bil-liġi, milli marru fil-lukandi.”

Il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi qal li t-turisti li jgħażlu akkomodazzjoni privata hija realtà kullimkien.

“Irridu nassiguraw li jkun hemm level playing field jiġifieri li dawn it-tip ta’ operaturi jkollhom insurances, li jħallsu t-taxxa u għaldaqstant se nkunu qed naħdmu mal-MHRA dwar dan biex fix-xhur li ġejjin nieħdu din l-inizjattiva biex nassiguraw level playing field.”

Is-Sur Zahra qal li l-bqija tar-riżultati tal-istħarriġ kienu tajbin. Huwa appella għal iktar investiment fil-prodott turistiku waqt li wissa li l-industrija din is-sena tista tħabbat wiċċha ma’ kompetizzjoni minn pajjiżi oħra li jistgħu joffru btajjel b’irħis.

Il-Ministru Mizzi qal li ż-żieda fil-konnettiva qed twassal għaż-żieda fit-turiżmu saħansitra 15 fil-mija li ġew minn pajjiżi mhux tal-Unjoni Ewropea. Qal li filwaqt li l-privat qed jinvesti biex itejjeb is-settur turistiku, il-Gvern qed jagħmel proġett ta’ tisbiħ f’Paceville u fl-erba’ snin li ġejjin fi tmien lokalitajiet turistiċi oħra.

Qal li flimkien mal-MHRA il-Gvern irid jiddeċiedi fejn il-pajjiż irid jasal fit-turiżmu sal-2025. Għalhekk se titfassal strateġija nazzjonali tat-turiżmu.

Aħbarijiet Oħra
Kronaka

Kmieni dalgħodu seħħet ħabta frontali bejn mutur u trakk f’Ħal Qormi li ħalliet sewwieq ta’ mutur midrub. L-inċident seħħ fi Triq il-Ħammieri fis-7.30am li fih kienu nvoluti sewwieq ta’ mutur…

Elezzjoni

Ir-Renju Unit u l-Olanda huma l-ewwel pajjiżi li bdew jivvutaw fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew. Se jkunu kważi 427 miljun ċittadin tat-28 pajjiż tal-Unjoni Ewropea (UE) li se jivvutaw bejn illum u…

Elezzjoni

F’attività oħra fil-Fgura l-Erbgħa tard filgħaxija, il-Mexxej Laburista rrefera għad-dibattitu bejnu u bejn il-Kap tal-Oppożizzjoni u qal li matulu Adrian Delia kkonferma kemm il-Partit Nazzjonalista tilef lilu nnifsu. Fost affarijiet…

Aktar