Unjoni Ewropea
Ir-riżultati tal-elezzjonijiet tal-PE juru li l-partiti favur l-UE għadhom b’saħħithom

Ir-riżultati tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew fit-28 pajjiż-membru wrew li l-partiti favur l-Unjoni Ewropea għadhom b’saħħithom anke jekk l-akbar żewġ gruppi politiċi – il-Popolari u s-Soċjalisti – li huma msieħba fihom is-sitt ewroparlamentari Maltin tilfu 86 siġġu bejniethom u m’għadx għandhom il-maġġoranza. Iż-żewġ gruppi flimkien mistenni jkollhom 326 deputat minn Parlament ta’ 751 membru.

Il-Liberali u l-Ħodor, it-tielet u r-raba’ l-akbar partiti fil-Parlament Ewropew u li huma wkoll favur l-Unjoni Ewropea żiedu 42 siġġu u 19-il siġġu rispettivament. Il-grupp ġdid tal-lemin estrem li jinkludu l-partiti ta’ Marine Le Pen u Matteo Salvini se jkollu 58 membru fil-Parlament Ewropew.

L-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew saru biex jiġu eletti 751 ewroparlamentari għal ħames snin li ġejjin fosthom is-sitta Maltin. Ir-riżultati fit-28 pajjiż taw mużajk politiku kumpless.

Forsi l-aktar sinifikanti hija li 51% tal-votanti vvutaw f’din l-elezzjoni u dan kien l-ogħla fl-aħħar 20 sena u li għall-ewwel darba f’40 sena, l-ikbar żewġ gruppi politiċi – il-Popolari taċ-ċentru-lemin u s-Soċjalisti taċ-ċentru-xellug tilfu l-maġġoranza.

Dan seħħ l-aktar minħabba li fil-Ġermanja, id-Demokristjani ta’ Angela Merkel kellhom tnaqqis qawwi waqt li fi Franza u l-Italja, il-partiti taċ-ċentru lemin marru ħażin ħafna. L-istess għas-Soċjalisti li fi Franza u fir-Renju Unit – fl-isfond tal-posponiment dwar Brexit – ġew fit-tielet post b’10 siġġijiet bil-Mexxej Laburista Jeremy Corbyn jgħid li l-Partit jaqbel mat-tieni referendum.

Fir-Renju Unit, il-Brexit Party ta’ Nigel Farage rebaħ terz tas-siġġijiet b’29 siġġu, segwit mil-Liberali li huma favur l-Unjoni Ewropea li rebħu 15-il siġġu waqt li riżultat diżastruż għall-Partit fil-Gvern, il-Konservattivi eleġġa erba’ deputati. Ir-riżultat wera l-qasma ndaqs bejn dawk favur u kontra l-Brexit.

Fl-Italja, Franza u l-Polonja, il-partiti tal-lemin-estrem kontra l-immigrazzjoni u l-Unjoni Ewropea kisbu l-akbar ammont ta’ voti. Il-Mexxej tal-Lega, Matteo Salvini qal li fl-isfond tar-riżultat li kiseb ta’ 34% tal-voti, l-Unjoni Ewropea jeħtieġ terġa’ tiddiskuti r-regoli fiskali.

“Jeħtieġ nirrevedu l-politika biex jerġa’ jkun hemm tkabbir fl-Italja, Franza, fil-Ġermanja, fil-Greċja, fil-Fillandja, fl-Iżvezja, kullimkien” qal Salvini.

Fi Franza, il-partit lemini ta’ Marine Le Pen sar l-ikbar partit u qabel kiseb perċentwal (23.6 – 22.6%) il-Partit Ċentrist tal-President, Emmanuel Macron waqt li l-Partit tal-Ħodor issorprenda u ġie fit-tielet post b’aktar minn 13% tal-voti.

Fi Spanja, is-Soċjalisti ta’ Pedro Sanzhez għamlu rebħiet importanti fi tliet elezzjonijiet li jaf ituh aktar saħħa fin-negozjati mal-partiti ż-żgħar għall-formazzjoni ta’ Gvern ġdid. Fl-istess waqt is-separatisti Katalani, Carlos Puigdemont li jinsab eżiljat u Oriol Junqueras li jinsab il-ħabs ġew eletti fil-Parlament Ewropew.

Fil-Greċja, il-Prim Ministru Alexis Tsipras sejjaħ elezzjoni ġenerali wara li tilef b’distakk ta’ għaxra fil-mija.

Għalkemm aktar minn nofs il-pajjiżi għad iridu joħorġu r-riżultati finali, diġà hemm diskussjoni fuq uħud mill-uċuħ ġodda fil-Parlament Ewropew fosthom l-ex Prim Ministru Taljan Silvio Berlusconi li għandu 82 sena. Madankollu, l-aktar diskussjoni li mistennija tiżviluppa hi dwar min se jkun il-President tal-Kummissjoni Ewropea, bil-Liberali iddikjaraw kmieni li l-kandidat tal-Partit Popolari Ewropew Manfred Weber, għandu jkun skwalifikat u mistennija jipproponu lil Michel Barnier.

Aħbarijiet Oħra
Barranin

Papa Franġisku ddikjara ħames qaddisin ġodda, fosthom wieħed mill-iktar personaġġi influwenti tas-seklu 19 . . . il-Kardinal John Henry Newman. Il-Kardinal Newman jibqa’ mfakkar l-iktar għall-fatt li kien Anglikan ferventi,…

Barranin

Sitta u għoxrin persuna mietu, 18 għadhom irrapportati nieqsa u aktar minn 170 ruħ indarbu fl-agħar maltempata fil-Ġappun fl-aħħar 60 sena. It-tifun Hagibis laqat Tokyo is-Sibt, b’riħ qawwi b’veloċità ta’…

Barranin

Żewġ persuni tilfu ħajjithom u 18 oħra jinsabu midruba wara li ċediet parti mil-lukanda Hard Rock, f’New Orleans. Fil-lukanda kienu qed isiru xi xogħlijiet meta ċediet parti minnha. Kawża tal-inċident,…

Barranin

Fil-Polonja fetħu l-postijiet tal-votazzjoni fejn il-Pollakki mistennija jagħtu mandat ieħor lill-partit tal-Ġustizzja u Liġi Nazzjonali, PiS, li potenzjalment se jkompli jkabbar l-iżolament tal-pajjiż għax tkompli tikber it-tensjoni mal-Unjoni Ewropea minħabba…

Aktar