Lokali
“Ir-roħs fil-prezzijiet tal-fjuwil jibqa’ fis-seħħ wara Settembru” – il-Ministru Carmelo Abela

Il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Carmelo Abela, qal li l-Gvern irid iħalli aktar flus fil-bwiet tal-ħaddiema fosthom bir-roħs fil-prezzijiet tal-fjuwil li qal se jibqa’ jgħodd anki wara Settembru.

Mistoqsi dwar il-ħaddiema tal-kumpanija Torka TACA Constuction, il-Ministru Abela qal li l-liġi tax-xogħol ma tagħtix setgħa lid-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali jinvestiga l-ilmenti tagħhom għax mhumiex impjegati ta’ kumpanija lokali.

Il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Carmelo Abela, qal li r-roħs ta’ 7 ċenteżmi fil-prezzijiet tal-petrol u d-diesel, li se jidħol fis-seħħ mit-Tnejn li ġej, se jibqa’ wara Settembru.

“Dan huwa l-ikbar tnaqqis li qatt sar fejn għandu x’jaqsam il-petrol u d-diesel,” qal il-Minsitru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Carmelo Abela.

Waqt li elenka l-miżuri fil-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika li jolqtu lill-ħaddiema, il-Ministru Abela qal li l-Gvern se jerġa’ jagħti r-rifużjoni tat-taxxa lil 210,000 ħaddiem.

Żied li l-Gvern se jgħin lill-koppji li kellhom jipposponu t-tieġ minħabba l-imxija filwaqt li se jibqa’ jgħin lill-ħaddiema bit-tnaqqis tat-taxxa tal-boll fuq xiri ta’ proprjetà. Il-Ministru Abela fakkar li l-ħlasijiet tas-suppliment tal-pagi tal-ħaddiema fil-privat se jibqgħu jingħataw sa Settembru b’rati skont tliet kategoriji differenti.

Mistoqsi x’sar mill-awtoritajiet dwar l-ilmenti tal-ħaddiema Torok tal-kumpanija TACA li kienu involuti fi proġett ta’ kostruzzjoni f’Tignè u lmentaw li ilhom ma jirċievu l-paga, il-Ministru Abela qal li d-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali hu obbligat jimxi mal-liġi tax-xogħol.

“Ma setax jiftaħ investigazzjoni proprja għax inti jrid ikollok ħaddiema li jkunu impjegati ma’ kumpanija lokali,” wieġeb il-Ministru Carmelo Abela.

Fuq il-prekarjat fis-settur privat, il-Ministru Abela tenna li l-impenn tal-Gvern hu li jkompli jtejjeb il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema.