Kronaka
Ir-rondi tal-Pulizija minħabba l-Covid iwasslu għal żewġ qabdiet ta’ droga

Ir-rondi li l-Pulizija qed twettaq fi tmiem il-ġimgħa f’bosta inħawi madwar Malta, anki b’rabta mal-infurzar tal-miżuri tal-Covid-19, wasslu għal żewġ arresti separati fuq allegat traffikar ta’ droga.

Il-Pulizija qalet li l-ewwel arrest seħħ għal xi l-10.30am, waqt li l-Pulizija mir-Rapid Intervention Unit (RIU) kienet għaddejja fuq ronda u nnutat raġel jaġixxi b’mod suspettuż ġo ġnien pubbliku fi Triq Patri Feliċjan Bilocca, il-Marsa.

Waqt li l-pulizija bdew mixjin lejh, dan deher jarmi kalzetta qalb is-siġar. Minħabba f’hekk, ir-raġel ġie arrestat, inġabret il-kalzetta u fiha nstabu 13-il pakkett b’sustanza aktarx kannabis lesti biex jiġu ttraffikati, flimkien ma’ €225 fi flus kontanti.

Wara din is-sejba, il-Pulizija tal-Għassa tal-Ħamrun wettqet ukoll tfittxija fir-residenza tiegħu f’Birżebbuġa fejn instabu oġġetti relatati mat-traffikar tad-droga, fosthom miżien u numru kbir ta’ boroż u pakketti żgħar vojta, u madwar €900 fi flus kontanti.

Ir-raġel, li huwa Niġerjan u għandu 27 sena, qiegħed jinżamm fil-lock-up tal-Pulizija fil-Kwartieri Ġenerali, il-Furjana.

It-tieni arrest sar għall-ħabta tas-2.00pm, waqt li l-pulizija tal-Għassa tal-Belt kienu għaddejjin b’ronda minn Triq il-Kappuċċini il-Furjana, u nnuttaw vettura li kienet ġiet irrappurtat misruqa iżjed kmieni dan ix-xahar.

Kif il-pulizija avviċinaw lix-xufier, raġel ta’ 34 sena, dan ipprova jaħrab imma ġie miżmum. Minn tfittxija li saret fuqu nstabu 13-il qartas b’sustanza suspettata kokaina kif ukoll madwar €300.

It-tfittxijiet komplew fir-residenza tar-raġel, fejn il-pulizija sabet madwar €800 oħra flus kontanti kif ukoll miżien elettroniku.

L-investigazzjonijiet taż-żewġ każijiet qed jitmexxew mill-Pulizija tad-Distrett tal-Ħamrun u tal-Belt Valletta rispettivament.