Barranin
Ir-Russja bl-ewwel tilqima kontra l-COVID-19 għall-annimali

Ir-Russja rreġistrat l-ewwel tilqima kontra l-Covid-19 għall-annimali. Ir-Russja diġà għandha tliet vaċċini kontra l-COVID-19 għall-bniedem, bl-aktar wieħed magħruf minnhom huwa Sputnik V.

Dan il-vaċċin għall-annimali, li ngħata l-isem ta’ Carnivak-Cov, jidher li huwa l-ewwel tilqima li tipprevjeni l-imxija fl-annimali. Qed ikun irrapportat li t-tilqima mistennija tibda tingħata f’April.

Il-provi kliniċi fuq dan il-vaċċin Carnivak-Cov bdew f’Ottubru li għadda u saru fuq klieb, qtates, volpijiet, minks u annimali oħra.

Id-Deputat Kap tas-Servizz Federali tar-Russja Konstantin Savenkov qal li r-riżultati wrew li l-vaċċin huwa sigur, b’saħħtu u ma jagħmilx ħsara lill-annimali. Spjega li l-annimali kollha li tlaqqmu żviluppaw antibodies għall-imixja.

Qed ikun irrapportat li l-imunità tal-vaċċin isservi għal sitt xhur. Jidher li hemm diversi pajjiżi li diġà wrew interess f’dan il-vaċċin fosthom l-Istati Uniti, il-Kanada u Singapore.

Skont xjentisti Russi dan il-vaċċin se jipprevjeni milli l-virus jiġi trasmess. F’Mejju li għadda, id-Danimarka qatlet mas-17-il miljun minks wara li nstabet mutazzjoni tal-Coronavirus fl-annimal, bil-virus mibdul li qed jinfetta lill-bniedem.

Rapport ġdid tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa jgħid li hemm probabilità li l-Covid-19 għadda fin-nies minn annimal.