Politika
Ir-Russja tinstab ħatja li qatlet lil Litvinenko

Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem sabet lir-Russja ħatja li fl-2006 qatlet lil Alexander Litvinenko.

Litvinenko kien spija Russu imma mar jgħix l-Ingilterra wara li akkuża lis-superjuri tiegħu li ordnaw il-qtil ta’ Boris Berezovsky.

Huwa kiteb ukoll żewġ kotba fejn jikkritika lil pajjiżu u anke akkuża lill-President Russu Vladimir Putin li ordna l-qtil tal-ġurnalista Russa Anna Politkovskaya.

Fl-2006 Litvinenko ħassu ma jiflaħx u ttieħed fi sptar fejn irriżulta li kien ġie ivvalenat bil-Polonium-2010, materjal radjuattiv. Huwa miet wara 22 jum agunija.

Inkjesta pubblika li saret fir-Renju Unit fl-2016 ikkonkludiet li l-qtil kien probabbilment approvat mill-President Russu Putin.

L-inkjesta sabet ukoll li żewġ Russi, Andrei Lugovoi u Dmitry Kovtun, poġġew din is-sustanza radjuattiva f’xarba li ħa Litvinenko.

Ir-Russja dejjem ċaħdet l-involviment tagħha f’dan id-delitt kif ċaħdu wkoll l-istess żewġt irġiel Russi li, skont l-inkjesta, qatluh.